“Ir-realtà qed turina li dan is-suċċess ekonomiku li tant kien mixtieq, ġab miegħu sfidi oħrajn. Sfidi li nkunu qed niżbaljaw jekk ma nirrikonoxxuhomx. Hekk biss tista’ tkompli ġġib il-bidla, tirrikonoxxi l-isfidi, ma tkunx supperv, imbagħad tindirizzahom.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, fost sensiela, mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna qabel jitħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Din id-darba mal-General Workers Union, fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru beda billi rrimarka l-importanza ta’ dawn il-laqgħat li permezz tagħhom il-Gvern jikkonsulta.
Fil-fatt, b’rabta mal-Budget għall-2025, Dr Abela sostna li dan qed jitfassal anke hekk kif il-Gvern qed jagħraf ir-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna. Realtajiet li ġew mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.
Hawn Dr Abela semma anke l-ħidma li embarka fuqha l-Gvern biex jindirizza dawn l-istess realtajiet, fosthom realtajiet li jolqtu lill-ħaddiema u lid-drittijiet tagħhom. Dawn jinkludu l-qbil storiku biex togħla l-paga minima mhux biss issa iżda fis-snin li ġejjin ukoll, direttivi bħal dik tal-Work Life Balance u tal-Pagi Trasparenti u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Prevedibbli.
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif dan il-gvern beda jindirizza r-realtajiet ta’ pajjiżna f’oqsma bħal dawk tat-temping agencies hekk kif dan issa ġie regolat b’liġi ġdida tant li kull aġenzija irid ikollha liċenzja biex topera. Dan apparti li nnota kif il-Gvern indirizza wkoll il-qasam tal-platform work permezz ta’ Avviż Legali li jirregola lil dan l-istess qasam filwaqt li xpruna reviżjoni f’numru ta’ swieq tax-xogħol fejn instab li ma hemmx ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin li jinġiebu f’pajjiżna biex jaħdmu fihom.
Dr Abela assigura wkoll li mill-ġdid, il-Budget 2025 se jkompli jżid il-pensjonijiet u jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan apparti li l-middle class f’pajjiżna se tkun qed tgawdi minn tnaqqis b’saħħtu fir-rata tat-taxxa tad-dħul. Miżuri li kollha huma possibbli minħabba s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna.
“Fadal ħafna x’nagħmlu, imma għandna pjan ta’ ħidma ambizzjuż li se jkompli jimbotta lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Nistedinkom tkunu magħna għaliex flimkien nemmen li dan il-pjan nistgħu nwassluh u nwassluh fl-aħħar mill-aħħar għall-poplu tagħna li tant inħobbu,” temm jgħid il-Prim Ministru.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima, Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.
“Il-proposti tagħna bħala trejd unjin huma ibbażati fuq il prinċipju li kulħadd jkompli jimxi l-quddiem u l-ħaddiem igawdi mis-suċċess tal-pajjiż. Dan apparti li inkomplu nħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Għalhekk it-talba tagħna hija sabiex flimkien noħolqu viżjoni nazzjonali strateġika u pjan nazzjonali li jsarrfu f’xogħol ta’ kwalitá u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.
Huwa saħaq li b’hekk ikollna mobilitá socjali għal kulħaddu permezz t’hekk it-tkabbir ekonomiku f’pajjizna jinfirex fuq kulhadd. Semma li jeħtieġ li l-ġlieda kontra l-inflazzjoni tkompli tibqa’ sejra, daqs kemm għandhom jibqgħu sejrin ukoll is-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll l-iskema Stabbiltà.
Semma’ ukoll il-proposta li l-GWU ilha tisħaq fuqha,dik tal-ħtieġa ta’ sħubija awtomatika fi trejd unjin ħal kull ħaddiem biex b’hekk ħadd ma jiġi sfruttat. Dan barra tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul u ż-żieda fil-benefiċċji soċjali.