Friday, November 15, 2024

Il-PM jisħaq li l-istabbiltà wasslet biex pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investituri

Studju ta’ Ernst & Young juri żieda fl-interess tal-investituri f’pajjiżna

Aqra wkoll

Is-suċċess ekonomiku ta’ Malta huwa frott stabbiltà li joffri l-gvern biex jibni prosperità ġdida għall-intrapriżi u l-familji. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela  fil-ftuħ ta’ konferenza ta’ Ernst & Young bit-tema “Malta Future Realised”.

Il-Prim Ministru nnota r-riżultati tal-istudju li ġie ppreżentat fil-konferenza li wera żieda fl-interess tal-investituri barranin f’pajjiżna. Dwar dan huwa qal li Pajjiżna jrid jimmira mhux biss li jkun attraenti għall-investituri iżda jħares li jibqa’ attraenti għall-investiment dirett barrani jinnota r-riżultati ta’ studju li ġie ppreżentat fil-konferenza li wera żieda fl-interess tal-investituri barranin f’pajjiżna.

Abela saħaq li studju bħal tal-EY huwa importanti għal gvern li jfassal politika li biha jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku u spjega kif punti saljenti li joħorġu mill-istudju huma riflessi wkoll minn studji uffiċjali li jsiru minn żmien għal żmien. Fil-fatt skont l-istudju ta’ EY, il-proporzjon ta’ investituri barranin li jara li jkun f’pajjiżna daqs għaxar snin oħra, huwa seba’ darbiet aktar minn dak li jara li ma jkunux f’pajjiżna. Dan huwa wkoll żieda mill-ħames darbiet aktar reġistrati fl-istudju tas-sena l-oħra. Punt notevoli ieħor hu l-fatt li skont dan l-istudju, dawk li jixtiequ jespandu f’Malta telgħu għal kważi nofs dawk li ħadu sehem f’dan l-istudju. Dan b’żieda minn terz ta’ dawk intervistati s-sena l-oħra.

Quddiem dawn ir-riżultati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq medda ta’ sena, l-investiment dirett barrani li għandu x’jaqsam max-xjenza, remote gaming u l-komunikazzjoni fost oħrajn, żdied bi kważi kwart ta’ biljun ewro. “Dan ifisser li għall-ewwel darba, l-assi barrannin fis-settur diġitali laħqu l-biljun ewro”, qal il-Prim Ministru hu u jirrijafferma l-impenn tal-gvern li jiddiġitalizza l-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru qal li l-pandemija għallmitna iżjed minn qatt qabel, il-ħtieġa tad- diġitalizzazzjoni u dan illum huwa importanti għall-miri ta’ pajjiżna biex ikollna ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-prim ministru saħaq ukoll li l-kriżi fil-qasam tal-enerġija li laqtet l-Ewropa riżultat ta’ gwerra wriet aktar kemm huwa importanti li nkunu sostenibbli u kapaċi nsostnu lilna nfusna fil-provvista tal-enerġija. Qal li hemm l-aspett ambjentali imma anki dak ekonomiku huwa importanti u għalhekk irridu nħarsu iżjed lejn il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Abela fakkar li quddiem sfidi internazzjonali kbar, Malta żemmet il-produttività ekonomika b’settur tax-xogħol b’saħħtu u  żied jgħid li issa l-Gvern Malti qed jerġa’ jagħti stabbiltà billi qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ma jitfax il-piżijiet fuq in-negozji u l-familji. Dan apparti li kiseb derogi li ma jolqtux il-produttività f’pajjiżna u l-intrapriżi jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.

Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar li jrid jara ġejjieni għal Malta mibni fuq sisien sodi mnebbaħ mill-valuri soċjali iżda wkoll li jimraħ, jirriforma u jħares l-aspetti ambjentali u tas-sostenibbiltà.

Ekonomija

Sport