Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fil-One Ocean Summit li sar fi Brest, Franza, fuq stedina tal-President Franċiż Emmanuel Macron. Franza bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Dan is-summit kien maħsub biex jiġbor il-komunità internazzjonali flimkien bil-għan li titqajjem kuxjenza u tkun diskussa azzjoni li tipproteġi l-ibħra u l-oċeani.
Il-jum tal-Ġimgħa kien iddedikat għal sessjonijiet li fihom ħadu sehem diversi mexxejja ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja u ta’ istituzzjonijiet Ewropej fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Il-Prim Ministru Robert Abela għamel l-intervent tiegħu f’panel li ffoka fuq l-industrija tal-marittimu, li kien jinkludi lill-President Franċiż, il-President ta’ Ċipru, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Irlanda u l-President tal-Eġittu, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru Abela tkellem dwar ir-realtajiet ta’ Malta. Pajjiż gżira li jiddependi ħafna fuq il-baħar għal setturi differenti fosthom l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti, it-turiżmu, il-cruise liners, is-sajd, l-irziezet tal-ħut u s-settur marittimu kummerċjali bħal mhuma t-tarznari, fost oħrajn. “Trid tikkunsidra l-perspettivi kollha,” qal il-Prim Ministru li spjega kif irridu nipproteġu iktar l-ibħra tagħna filwaqt li nżommu f’moħħna r-realtajiet ta’ kulħadd.
Semma l-passi li ħadet Malta biex jitnaqqas l-impatt ta’ ċertu attività marbuta mal-baħar permezz ta’ investimenti fi proġetti kbar ta’ shore to ship biex jonqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti, fosthom dawk tal-passiġġieri. “Introduċejna żewġ faċilitajiet ta’ shore to ship li se jħallu lill-bastimenti jitfu l-magni fil-port u jnaqqsu l-emissjonijiet. L-ironija hi li filwaqt li qed nagħmlu dan ix-xogħol, dawn il-bastimenti għadhom iduru fil-Mediterran bil-heavy fuel oil. Din hi r-realtà li rridu niffaċċjaw”, qal il-Prim Ministru, li tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nużaw sorsi ta’ enerġija iktar nodfa. “Għandna soluzzjonijiet fil-preżent li ma aħniex nużaw,” żied il-Prim Ministru, filwaqt li ħeġġeġ lil dawk preżenti, inkluż nies mill-industrija, biex inħarsu lejhom iktar.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar passi oħra li ħadet Malta, fosthom il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-bejgħ tas-single use plastic. “Hija bidla li se tagħmel differenza kbira”, qal il-Prim Ministru li fisser kif dawn huma l-bidliet li rridu naħdmu għalihom.
“Iva, rridu ntejbu l-kwalità tal-ibħra tagħna, u tal-ambjent tagħna. Imma ejja naraw kull inizjattiva b’mod sħiħ. Ma ninjorawx ir-realtajiet ta’ gżejjer żgħar li għalihom il-baħar ifisser ħafna għall-ekonomiji u n-nies tagħhom,” temm il-Prim Ministru li enfasizza l-bżonn li nqumu għall-okkażjoni quddiem l-isfida li nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna.
Matul dan is-summit, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg