Sunday, March 8, 2026

Il-PM Kanadiż isejjaħ biex Andrew jitneħħa mil-linja ta’ suċċessjoni

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tal-Kanada Mark Carney appella sabiex Andrew Mountbatten-Windsor jitneħħa mil-linja tas-suċċessjoni rjali.

Mountbatten-Windsor kien arrestat ix-xahar li għadda fuq suspett ta’ mġiba ħażina f’kariga pubblika wara li ġie akkużat li qasam materjal kunfidenzjali ma’ Jeffrey Epstein, illum mejjet. Andrew kien diġà ċaħad kwalunkwe għemil ħażin relatat ma’ Epstein.

Meta tkellem mal-ġurnalisti f’Tokyo, il-Prim Ministru Carney qal li huwa tal-fehma li l-allegati azzjonijiet “deplorabbli” tal-eks Duka ta’ York għandhom iwasslu għat-tneħħija tiegħu mil-linja tas-suċċessjoni.

L-eks prinċep għadu t-tmien wieħed fil-linja għat-tron u dan minkejja li diġà tneħħewlu t-titli f’Ottubru li għadda fost pressjoni kbira dwar ir-rabtiet tiegħu ma’ Epstein.

Fil-kummenti tiegħu, Carney żied jgħid li minkejja li Andrew Mountbatten-Windsor jinsab ħafna ’l bogħod fil-linja tas-suċċessjoni, “il-punt ta’ prinċipju jibqa’ validu.”

Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru tal-Awstralja Anthony Albanese qal lill-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer li l-gvern tiegħu se jappoġġja l-pjanijiet biex Mountbatten-Windsor jitnaħħa mil-linja tas-suċċessjoni rjali.

Albanese kien qal lil Keir: “Qed nikteb biex nikkonferma li l-gvern tiegħi jaqbel ma’ kwalunkwe proposta biex jitneħħa mil-linja tas-suċċessjoni rjali. Dawn huma allegazzjonijiet gravi u l-Awstraljani jeħduhom bis-serjetà.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport