Saturday, December 28, 2024

Il-PM ma јeskludiex li јerġa’ јinnomina lil Fearne għal Kummissarјu Ewroprew

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ma eskludiex il-possibiltà li jerġa’ jinnomina lil Chris Fearne għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew jekk il-Qorti ma ssibx biżżejjed evidenza prima facie fil-konfront tiegħu. “Assolutament ma neskludihiex. Anzi hija waħda mill-possibiltajiet jew probabbiltajiet aktar reali,” huwa qal f’kummenti lill-ġurnalisti.


Dr Abela qal li se jkun qiegħed jistenna sal-24 ta’ Lulju biex ikollu quddiemu l-istampa sħiħa ta’ fatti sabiex imbagħad ikun jista’ jibgħat lil dik il-persuna li jemmen li hija l-aktar indikata biex mhux biss ikollna portafoll b’saħħtu għal pajjiżna imma tkun dik il-persuna li tkun tista’ timmilita l-aktar fil-Kummissjoni Ewropea.


Huwa qal ukoll li l-aktar li jiddispjaċieh huwa dwar l-ipokrezija li wera l-Partit Nazzjonalista. Qal li dalgħodu se tingħata sentenza fejn il-Kap tal-Oppżizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia fittxew lil Fearne fost oħrajn personalment għal mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li skont huma nsterqu minn Steward u għal dak in-nuqqas jew l-allegat nuqqas qed iwaħħlu fih.


“Qed ifittxu lili wkoll. Illum qed jgħidu li qed ifittxu lil Avukat tal-Istat biex ifittxu lilna personalment,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

“Dan l-aħħar jiem qalu li hemm attakk ġej min-naħa ta’ esponenti jew eks esponenti fil-Partit Laburista. Fearne wieġeb u weġibt jien ukoll. Li hu fiċ-ċert u żgur huwa li l-akbar attakk li qatt sar fuq Chris Fearne u l-familja tiegħu sar minn żewġ individwi – Adrian Delia u Bernard Grech – anke fl-atti tal-kawżi innfisha, fix-xhieda li ngħatat waqt il-kawża, attakk li juri kemm il-PN miss il-qiegħ.”


“Li tfittex lid-DPM u Ministru tas-Saħħa meta Awditur Ġenerali jitkellem b’mod ċar dwar il-mod kif ġab ruħu fuq il-konċessjoni ta’ Steward. L-inkjesta maġisterjali lili qas semmietni darba waħda biss għall-azzjoni personali li għamlu kontrija u kontra l-familja tiegħi l-PN.

Illum l-Qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha u naturalment kulħadd jagħmel il-kummenti tiegħu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport