Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Kunsill Libjan Mohamed Menfi.
Malta bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti se taħdem biex tappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Libja.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta se tkompli taħdem biex il-Libja tibqa’ fuq quddiem fl-aġenda tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.
Ġew diskussi wkoll setturi ta’ kollaborazzjoni bħall-enerġija, il-kummerċ, l-edukazzjoni u s-saħħa.
Il-Prim Ministru tenna li Malta hija kommessa li żżomm relazzjoni b’saħħitha mal-Libja u l-poplu Libjan.
Antigwa u Barbuda
Il-Prim Ministru Robert Abela ffirma ftehim mal-Prim Ministru tal-Antigua u Barbuda Gaston Browne li se jwassal biex l-Aġenzija għall-Enerġija u Ilma ta’ Malta tassisti lill-pajjiż iżid il-kapaċità tiegħu fl-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi skarsi tal-ilma.
Dan il-ftehim jimplimenta dikjarazzjoni li l-Prim Ministru għamel waqt il-COP26 fi Glasgow dwar l-inizjattiva ta’ Malta Islands for Islands, li timmira biex tgħin gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw relatati mat-tibdil fil-klima.
Fid-diskors tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta qed tgħin lil stati gżejjer żgħar oħra fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma – sfida għal ħafna pajjiżi u waħda ewlenija għall-ġenerazzjoni preżenti.