F’Ruma, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni. Iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jiżguraw li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja jibqgħu b’saħħithom, hekk kif qed jissaħħaħ l-irwol tar-reġjun tal-Mediterran, u qed ikunu esplorati aktar opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem it-taħditiet, il-Prim Ministru Abela rrefera fost oħrajn għad-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Enerġija fil-laqgħa tal-MED9 f’Malta fejn intlaħaq ftehim favur li l-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran.
F’dak li jirrigwardja l-immigrazzjoni, Dr Abela tenna l-pożizzjoni ta’ Malta fil-ġlieda kontra t-traffikar uman. “L-immigrazzjoni m’għandhiex tkun sfida għal Malta u l-Italja biss, iżda din hija kwistjoni tal-Ewropa kollha,” qal il-Prim Ministru Malti f’Palazzo Chigi.