F’laqgħa ma’ António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-prijoritajiet ta’ Malta matul it-terminu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mill-2023 – 2024.
Il-Prim Ministru Abela qal li l-aspirazzjoni ta’ Malta li sservi fil-Kunsill tas-Sigurtà ġejja mir-rieda tagħha li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-prinċipji u l-prijoritajiet li jsejsu l-politika barranija ta’ Malta u l-prijoritajiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ta’ pajjiżna huma bbażati fuq tliet pilastri; is-sigurtà, is-sostenibbiltà, u s-solidarjetà – prijoritajiet li huma konformi ma’ dawk tal-komunità internazzjonali u l-OCA (Our Common Agenda) tas-Segretarju Ġenerali.
Is-sigurtà tal-ikel, il-faqar, il-litteriżmu, il-gwerra fl-Ukrajna, il-klima u l-oċeani, il-prezzijiet tal-enerġija, u s-sitwazzjoni fil-Libja, flimkien mal-paċi u s-sigurtà dinjija huma t-temi ewlenin u ta’ interess komuni ta’ Malta man-Nazzjonijiet Magħquda u l- komunità internazzjonali.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Ġenerali Guterres iddiskutew ir-relazzjoni bejn it-tibdil fil-klima u s-sigurtà. Dan hekk kif it-tibdil fil-klima qed iżid il-pressjoni fuq l-aċċess għall-ikel u l-ilma kif ukoll l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali – pressjoni li qed twassal għall-possibbiltà ta’ kunflitt.
Ġiet indirizzata wkoll is-sitwazzjoni fil-Libja, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali lejn il-Libja hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-futur tal-poplu Libjan u s-soluzzjonijiet li għandhom jinstabu, jista’ jsibhom il-poplu Libjan innifsu. Huwa laqa’ wkoll il-ħatra ta’ Abdoulaye Bathily bħala Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għal-Libja u Kap tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja.
Dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Abela sostna li Malta tappoġġja l-ħidma li qed issir mill-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali f’dan ir-rigward. Malta taqbel li n-Nazzjonijiet Magħquda teħtieġ tevolvi u tadatta kontinwament biex tibqa’ effettiva u tirreaġixxi għal sfidi ġodda.