B’referenza għal rappurtaġġ ippubblikat illum rigward allegati irregolaritajiet fi ħdan il-LESA u li jiffurmaw il-mertu ta’ rikors biex tinbeda inkjesta dwar l-in genere, il-Prim Ministru Robert Abela jiċħad u jinnega bl-aktar mod assolut u kategoriku dak li ġie rrappurtat li hu kontenut fir-rikors (li mhuwiex għad-dispożizzjoni tal-Prim Ministru), u ċioè li l-Prim Ministru kien konxju ta’ dawn l-allegati irregolaritajiet u m’għamel xejn biex iwaqqafhom.
Din hi gidba u dikjarazzjoni falza mill-aktar faħxija li saret minn min ressaq ir-rikors promotur, u abbuż sfaċċat tas-salvagwardji li jagħti dokument ġudizzjarju. Daqstant ieħor u in kwantu jikkonċerna lilu, il-Prim Ministru Robert Abela jagħmilha ċara illi hu kodard u beżżiegħ min iressaq atti ġudizzjarji malizzjużi li jikkontjenu allegazzjonijiet foloz bl-iskop uniku li xi tajn forsi jeħel, u jinqeda bis-segretezza ta’ inkjesta biex dak li jkun ma jkollux l-opportunità li jirribatti pubblikament.
Il-Prim Ministru Robert Abela hu assoċjat ma’ riformi kbar li seħħew fil-qasam tal-governanza tajba u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, biex ikollhom aktar saħħa li jipprevjenu u jaġixxu kontra min iwettaq irregolaritajiet. Għall-kuntrarju, min ressaq ir-rikors jibqa’ assoċjat ma’ episodji li fuqhom tkellem b’mod iebes fost oħrajn l-Awditur Ġenerali u li ma għandhom xejn mill-governanza t-tajba.