Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li Għawdex għandu jibqa’ ħieles mill-bini ta’ torrijiet. Meta kien qed jiġi intervistat minn Gabriel Mifsud ta’ Malta Daily, Dr Abela ddikjara li b’dak li qed jipproponi l-Kap tal-Oppożizzjoni, mill-karatteristika ta’ gżira bi 3 għoljiet, Alex Borg irid li Għawdex tiġi gżira ta’ 8 għolijiet.
Il-Prim Ministru qal li fl-ewwel sigħat mindu nħatar Kap Nazzjonalista Alex Borg, diġà qed joħorġu distinzjonijiet fundamentali bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Fuq Għawdex Dr Abela qal li Gvern Laburista għandu viżjoni ta’ gżira ta’ villaġġi u setturi ta’ valur miżjud, mentri ħaddieħor qed jimbotta l-kunċett ta’ torrijiet f’Għawdex li se jirrovina l-gżira Għawdxija.
Qal li din id-distinzjoni tirrifletti wkoll fil-ħatriet tal-uffiċjali tal-partit, bl-għażla tal-Partit Laburista bħala Kap Eżekuttiv hi ta’ champion tas-soċjal, mentri l-għażla tal-Partit Nazzjonalista bħala Kap Eżekuttiv hi champion tal-kostruzzjoni. Dr Abela qal li l-Partit Laburista salva lil Manoel Island mill-iżvilupp, mentri l-Partit Nazzjonalista taha lill-ispekulaturi biex jirrovina lil Manoel Island.
Lejn sena skolastika ġdida u l-pjan għat-trasport tal-massa
Il-Prim Ministru qal li qabel tibda sena skolastika ġdida, il-Gvern wettaq bosta xogħlijiet infrastrutturali fl-iskejjel, b’investiment li se jgawdu minnu uliedna għax jixirqilhom l-aqwa ambjent u tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-għalliema.
Dwar l-AI fl-edukazzjoni, Dr Abela semma t-tqassim ta’ 15,000 laptop lill-istudenti, miżura li qal għandha tiġi estiża lil hinn mill-istudenti tad-9 sena, u jixtieq li jintlaħqu wkoll iż-żewġ gradi l-oħrajn fiż-żmien li ġej.
Mistoqsi dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, Dr Abela wieġeb li l-istat qed jiffinanzja mal-4,000 vjaġġ għall-istudenti biex imorru l-iskola bit-trasport b’xejn, filwaqt li sar pjan biex fit-toroq ikun hemm mat-80 uffiċjal fi 33 lokalità fil-peak hours ta’ filgħodu u ta’ wara nofsinhar, sistema li għandha tkun matul is-sena kollha.
Dwar it-trasport tal-massa, il-Prim Ministru qal li għaddejjin it-taħdidiet mal-ARUP, u fil-ġimgħat li ġejjin dawn l-esperti se jkunu f’Malta sabiex ikomplu jiggwidaw lill-Gvern dwar il-proġett tal-metro. Dr Abela qal li l-mudell issuġġerit mill-ARUP jiswa biljuni ta’ ewro u jieħu madwar 20 sena biex isir, għalhekk jistenna lill-Oppożizzjoni tappoġġja dan il-proġett li jrid isir minn amministrazzjonijiet differenti.
Il-mudell ekonomiku u s-suq tax-xogħol
Dr Abela qal li Malta għandha mudell ekonomiku li qed jagħtina l-aqwa ekonomija fl-Ewropa b’mod konsistenti, b’ċertifikati kostanti mill-Kummissjoni Ewropea fost l-oħrajn. Spjega li l-Gvern qed ikompli jirfina u jaġġusta dan il-mudell għar-realtajiet tal-lum.
Mistoqsi dwar il-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru qal li l-Labour Migration Policy tfasslet apposta u meħtieġa li ġabet kontroll fis-suq tax-xogħol u l-isfida llum għadha ta’ nuqqas ta’ ħaddiema. Qal li l-Labour market study ilu jsir mill-Jobsplus għal diversi snin, tant li minħabba fih ittieħdu l-passi meħtieġa, fosthom ġab l-eżempju xufiera tal-Y Plates li twaqqfu għax kien hawn iżżejjed minnhom f’Malta, u qed jitħallew jidħlu Malta biss fis-setturi li hemm bżonn.
Il-Prim Ministru qal li s-suq tax-xogħol inbidel fl-aħħar 12-il sena, bil-Maltin u l-Għawdxin jaħtfu opportunitajiet ta’ xogħol li jħallsu tajjeb ħafna u b’kundizzjonijiet tajbin ħafna, fosthom fis-setturi tal-avjazzjoni, il-farmaċewtika, u l-informatika.
Qal li l-Viżjoni Malta 2050 tinkwadra f’dan il-qasam għax qed tiffoka fuq il-kwalità, b’investiment dirett barranin li joħloq valur miżjud fl-ekonomija mingħajr ma jikkawża piż fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Sostna li ż-żgħażagħ huma protagonisti f’din il-viżjoni għax se titwettaq minnhom u għalhekk huma parteċipi f’dak li qed jitfassal għall-ġejjieni tal-pajjiż.
Iż-żamma tal-ordni u r-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan
Il-Prim Ministru qal li Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi siguri fid-dinja, iżda jseħħu episodji ta’ imġieba li jkun jeħtieġ intervent mill-uffiċċjali għaż-żamma tal-ordni. Qal li 350 persuna kisru l-liġijiet tal-pajjiż u ġew deportati minn Malta. Ħabbar ukoll li se titwaqqaf skwadra speċjalizzata f’żoni turistiċi partikolari biex tittieħed azzjoni mmedjata f’każijiet ta’ persuni b’imġieba eċċessiva.
Dr Abela qal li Malta se tirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat fis-sigħat li ġejjin, deċiżjoni diffiċli li ma saritx f’40 sena, u li issa se sseħħ meta f’dawn il-jiem fi New York qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Prim Ministru qal li jħares ‘l quddiem li l-fiduċja mogħtija min-nies lill-Partit Laburista tibqa’ b’saħħitha. Sostna li mhux intitolat għal xi dritt divin li jiggverna, bħalma qed jagħmel ħaddieħor. Dr Abela qal li b’umiltà se jkompli jaħdem biex bl-esperjenza li għandu Gvern Laburista, Malta tibqa’ suċċess.