Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-kumpanija Ryanair se tkun qed tinvesti €20 miljun fis-settur tal-avjazzjoni. Permezz ta’ dan l-investiment, li jinsab fl-ewwel stadju tiegħu, Ryanair se tiftaħ faċilità ġdida tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO, u se tkun qed toffri full service hub.
Dr Abela spjega li dan l-investiment ta’ €20 miljun se jiġġenera madwar 250 impjieg ieħor, li huwa ekwivalenti għal tkabbir ta’ 25% f’dan is-settur tal-avjazzjoni. Huwa kompla jfisser li: “Il-viżjoni tagħna hija li nilħqu l-human capital f’dan is-settur” u sostna li dan għandu jsir b’mod sostenibbli.
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jagħmel aċċenn għall-għajnuna li l-Gvern provda lil dan is-settur matul dawn is-sentejn ta’ pandemija u wiegħed li bħala Gvern se jkompli jgħin lil dan is-settur.
“Dan l-investiment jikkonferma kif aħna nistgħu nissapportjaw setturi differenti biex ikomplu jespandu f’Malta”, saħaq Dr Abela.
“Id-dikjarazzjoni tal-Ġimgħa li għaddiet min-naħa tal-FATF dwar it-tneħħija ta’ Malta minn fuq il-Lista l-Griża se tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ideali għan-negozju … il-pjan hu li Malta tibqa’ fuq il-Lista l-Bajda” fisser il-Prim Ministru.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja b’mod speċjali lil Ryanair talli kkonsolidat l-investiment tagħha f’Malta u kompliet tespandi f’qasam ieħor.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair DAC Eddie Wilson, flimkien ma’ numru ta’ rappreżentanti oħra tal-linja tal-ajru.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, iddeskriviet dan l-investiment bħala “tragward importanti” fil-kollaborazzjoni reċiproka li kulma jmur qed tkompli tikber bejn Ryanair u pajjiżna.
“Tabilħaqq li Ryanair, bil-kumpanija sussidjarja tagħha, ir-reġistrazzjoni kontinwa tal-ajruplani u issa b’faċilità għall-manutenzjoni u t-tiswija f’Malta, qed tkompli turi l-kapaċitajiet ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-settur tal-avjazzjoni,” qalet il-Ministru Dalli.
Hija qalet ukoll li dan il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jipprovdi lil din l-industrija u anke industriji oħra b’iżjed riżorsi sabiex ikomplu jmexxu t-tkabbir u l-innovazzjoni fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ aktar talent li għandu jgħin fit-tkabbir tal-industrija tal-avjazzjoni fl-istess waqt li saħqet li din l-istess industrija tipprovdi karrieri ta’ kwalità għall-ħaddiema tagħna.
“Hi din il-viżjoni ta’ aktar kwalità u valur f’dak kollu li kapaċi nipproduċu li tiggwidana fid-deċiżjonijiet tagħna. Dan jippermetti l-ekonomija żżid fil-kompetittività u jiżdiedu l-livelli tal-produttività, filwaqt li tkun garantita kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-komunità inġenerali.”
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li bħalissa l-Malta Enterprise qiegħda taħdem mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili sabiex tinħoloq ekosistema ta’ innovazzjoni fejn jidħlu drones. Qalet li dan ikompli jixhed l-abilità ta’ Malta li sservi bħala bażi għal industriji innovattivi bħal dawn.
Il-Ministru Silvio Schembri awgura lil Ryanair għal dan l-investiment multimiljunarju u rringrazzja lil Malta Enterprise tal-appoġġ u lil INDIS Malta li se talloka art lil Ryanair b’total ta’ 7,500 metru kwadru għall-ewwel
fażi ta’ dan il-proġett.
“Dan huwa biss wieħed mill-proġett li INDIS qed taħdem fuqhom fil-qasam tal-avjazzjoni. Fil-fatt, qed isir ukoll xogħol fuq Taxiway Lim, kif ukoll għaddejjin taħditiet fuq l-Airport Zone Strategy Plan li se jara l-medda ta’ art madwar l-ajruport, li llum tista’ tgħid li mhix tintuża, isir użu aħjar minnha biex inkomplu nibnu fuq settur tal-avjazzjoni aktar b’saħħtu,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair DAC Eddie Wilson qal li: “Bħala waħda mill-akbar linji tal-ajru li toffri servizz lil Malta, Ryanair hija onorata li qed tiftaħ ċentru ġdid ta’ manutenzjoni f’dan il-pajjiż. Ryanair qed toħloq opportunitajiet għal impjiegi ta’ inġinerija b’ħiliet għolja”.
Wilson saħaq li dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-impenn ta’ Ryanair biex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ operazzjoni u ta’ manutenzjoni fis-settur tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, l-investiment se jsaħħaħ aktar l-impenn ta’ Ryanair lejn Malta, saħaq is-Sur Wilson. Dan meta fl-istess waqt Ryanair qed toffri rekord ta’ 62 rotta dan is-sajf li se jixprunaw l-irkupru turistiku ta’ Malta wara l-pandemija.