Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez appella biex Iżrael jiġi eskluż u ma jitħalliex jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali minħabba l-azzjonijiet aggressivi u atroċi tiegħu f’Gaża.
“Iżrael ma jistax ikompli juża pjattaforma internazzjonali biex jaħbi l-immaġni tiegħu,” qal Sánchez lir-rappreżentanti eletti tal-Partit Soċjalista tal-Ħaddiema. Huwa qal li Iżrael għandu jiġi trattat bl-istess mod bħar-Russja dwar l-invażjoni fuq skala sħiħa tagħha tal-Ukrajna fl-2022.
Nhar il-Ħadd, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael Gideon Saar sejjaħ lill-Prim Ministru Spanjol “tal-mistħija” u akkużah li inċita protesti favur il-Palestinjani f’Madrid, li kkawżaw il-kanċellazzjoni tal-istadju finali tat-tellieqa taċ-ċikliżmu Vuelta a España, li fiha kien qed jikkompeti tim Iżraeljan.
Diversi ministri tal-Gvern Spanjol faħħru wkoll il-protesta tal-istadju finali, li skont ċifri uffiċjali mmobilizzaw madwar 100,000 ruħ, kontra dak il-ġenoċidju, għax huwa ġenoċidju u m’għandux isem ieħor.
Iżrael, bħalma jagħmel dejjem, ċaħad li l-azzjonijiet tiegħu kontra l-poplu Palestinjan f’Gaża jammontaw għal ġenoċidju u qal li huma ġustifikati bħala mezz ta’ awtodifiża.
aL-Irlanda u l-Olanda diġà ħabbru li mhux se jipparteċipaw jekk Iżrael jiġi inkluż fil-konkors, minħabba t-telf “tal-biża’ u sever” ta’ ħajjiet ta’ nies u tbatija umana f’Gaża.
Ir-relazzjoni bejn Iżrael u Spanja ilha fraġli minn tmiem l-2023, meta Sánchez esprima tħassib dwar l-imwiet ta’ ċivili f’Gaża u xi membri tal-gvern tiegħu dak iż-żmien appellaw biex jinqatgħu r-relazzjonijiet diplomatiċi.
Fl-2024, Spanja ngħaqdet man-Norveġja u l-Irlanda fir-rikonoxximent ta’ stat Palestinjan u l-ġimgħa li għaddiet, Sánchez akkuża lil Iżrael b’ġenoċidju u ħabbar serje ta’ miżuri kontrih, inkluż embargo fuq l-armi.
Stħarriġ reċenti mit-think tank tal-Istitut Irjali Elcano indika li mill-inqas 82% tal-Ispanjoli jemmnu li dak li qed isir f’Gaża huwa ġenoċidju.