Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni wiegħdet li se “tibda mill-ġdid” ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, fl-ewwel żjara tagħha f’Beijing minn meta ħadet il-kariga.
Meloni ltaqgħet mal-Prim Ministru Ċiniż Li Qiang fl-ewwel impenn tagħha fiż-żjara ta’ ħamest ijiem li qiegħda tagħmel f’dan il-pajjiż fejn iffirmat ukoll pjan ta’ tliet snin li mistenni jsaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ nazzjonijiet. Dan qed iseħħ wara li s-sena li għaddiet, l-Italja ħarġet mill-iskema ta’ investiment fl-infrastruttura “Belt and Road” tal-President Xi Jinping.
Meloni ddeskriviet il-vjaġġ tagħha bħala “dimostrazzjoni ta’ rieda li tinbeda fażi ġdida sabiex terġa’ titnieda l-koperazzjoni bilaterali” ta’ bejniethom.
Hija qalet ukoll li ż-żewġ pajjiżi ffirmaw ftehim li għandu l-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni dwar il-vetturi elettriċi u l-enerġija riovabbli.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ċiniż, intqal li ż-żewġ pajjiżi se jaħdmu biex iżidu l-koperazzjoni bejn intrapriżi żgħar u medji fl-oqsma tal-bini tal-vapuri, is-sistema aerospazjali u l-intelliġenza artifiċjali fost oħrajn.