Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Sir Keir Starmer appoġġja u ddefenda lil Volodymyr Zelensky bħala mexxej elett demokratikament wara li Donald Trump iddeskriva lill-President Ukren Zelensky bħala “dittatur”.
Sir Keir Starmer ċempel lil Zelensky nhar l-Erbgħa filgħaxija u qallu li kien “perfettament raġonevoli” għall-Ukrajna li tissospendi l-elezzjonijiet fi żmien il-gwerra kif kien għamel ir-Renju Unit matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-attakki ta’ Trump seħħew wara li Zelensky akkuża lill-President Amerikan li kien qed jgħix f’bużżieqa ta’ diżinformazzjoni Russa.
Il-President Amerikan qabel kien ikkritika lil Zelensky, billi qal li għamel “xogħol terribbli” u li “rrifjuta li jagħmel elezzjonijiet” fl-Ukrajna.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja tjiebu fl-aħħar jiem, wara li uffiċjali miż-żewġ pajjiżi ltaqgħu fl-Arabja Sawdija u qablu li jinnegozjaw it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna. Il-mexxejja Ewropej u l-Ukrajna ma ġewx mistiedna għal dawn it-taħditiet.
L-ambaxxatur tar-Russja għar-Renju Unit, Andrei Kelin, ċaħad l-idea li kienet issuġġerita minn xi mexxejja Ewropej li truppi barranin għaż-żamma tal-paċi jitħallew fl-Ukrajna f’każ ta’ xi ftehim ta’ paċi.
Meta tkellem ma’ BBC Newsnight, l-ambaxxatur Russu qal li Moska mhux se taċċetta truppi mir-Renju Unit jew minn nazzjonijiet Ewropej oħra fl-Ukrajna, anke jekk Trump japprova l-idea.
Huwa staqsa wkoll jekk jistax ikun hemm ftehim ta’ paċi potenzjali mingħajr elezzjonijiet ġodda fl-Ukrajna, fl-istess waqt li reġa’ ċaħad l-idea li truppi barranin għaż-żamma tal-paċi jitħallew fl-Ukrajna f’każ ta’ xi ftehim ta’ paċi.
ħżda l-elezzjonijiet ġew sospiżi minn meta ġiet iddikjarata l-liġi marzjali wara l-invażjoni tar-Russja.
Il-Prim Ministru Keir Starmer se jivvjaġġa lejn Washington il-ġimgħa d-dieħla għall-ewwel laqgħa tiegħu personalment ma’ Donald Trump.
Huwa kien qal li se jkun lest li jiskjera truppi Brittaniċi fl-Ukrajna biex jgħin jiggarantixxi s-sigurtà tagħha bħala parti minn ftehim ta’ paċi sakemm ikun hemm “backstop” tal-Istati Uniti.
Il-PM qal li jrid juża l-laqgħa tiegħu l-ġimgħa d-dieħla biex jiddiskuti “backstop tal-Istati Uniti” li jgħid li huwa meħtieġ biex jiskoraġġixxi lir-Russja milli terġa’ tattakka lill-Ukrajna.
Fit-telefonata ma’ Zelensky, Sir Keir saħaq fuq il-ħtieġa li kulħadd jaħdem flimkien, qal il-kelliem tal-uffiċċju tal-prim ministru.
Kien hemm kritika mifruxa dwar il-kummenti ta’ Trump madwar id-dinja – inkluż mill-Prim Ministru tal-Isvezja kif ukoll mill-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, li qal li l-kumment ta’ Trump kien żbaljat u perikoluż.
L-eks-viċi-president ta’ Trump, Mike Pence, ikkritika wkoll il-kummenti, u fuq is-sit X kiteb hekk: “Sur President, l-Ukrajna ma bdietx din il-gwerra. Ir-Russja nediet invażjoni mhux ipprovokata u brutali li ħasdet mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet.