“L-estremisti fil-Partit Nazzjonalista qed jibqgħu jattakkaw l-istituzzjonijiet meta ma jiddeċidux kif iridu huma. Fl-istess ħin qed jinżlu fl-iktar livell baxx u jattakkaw nisa professjonisti li l-estremisti fil-Partit Nazzjonalista qed jippretendu li ma jaħdmux u ma jkollhomx il-karriera li studjaw u ħadmu għaliha, għax inzertaw iżżewġu jew huma partners ta’ politiċi fuq in-naħa tal-Gvern”.
Dan qalitu l-Partit Laburista fi stqarrija, fejn spjegat li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tattakka lill-Kummissarju għall-Istandards b’irresponsabbiltà, mhija xejn ħlief att ta’ intimidazzjoni. Qalet li dan bil-għan li tipprova tinfluwenzah kif jiddeċiedi f’każi oħra u li dan hu attakk sistematiku li diġà rajna fil-konfront ta’ istituzzjonijiet oħra.
Il-PL qal ukoll; “Iżda, l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hija agħar minn hekk. L-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards kixfet ukoll kif l-Oppożizzjoni u alleati tagħha attakkaw professjonisti nisa li ħadmu jew jaħdmu f’karigi li huma kwalifikati għalihom. Karigi jew irwoli li saħansitra fihom hemm għexieren ta’ persuni oħra. Dan hu r-rispett li għandu lejn in-nisa l-Partit Nazzjonalista”.
Fuq kollox hija wkoll ironika li din l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hi ffirmata minn min meta kien fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, ingħata l-konsulenzi tal-fiduċja f’Kastilja, u kulħadd jaf x’ta lura jew ma tax u fil-verità għaliex ħadhom.