Sunday, December 22, 2024

Il-PN b’emendi bla konsultazzjoni dwar xogħlijiet ta’ finishes fil-bini

Manuvra mill-PN minn wara dahar kuntratturi tal-finishes

Aqra wkoll

Illejla il-Parlament se jiddiskuti mozzjoni imressqa mill-Oppożizzjoni li biha qed jiġi propost li jiddaħħlu numru ta’ liċenzji ġodda għal min iwettaq xogħlijiet marbuta fost l-oħrajn ma tibjid, tikħil, tqegħid ta’ madum u kull xorta ta’ xogħlijiet oħra ta’ finishes fil-bini. 

Dan is-sit staqsa lil numru ta’ operaturi f’dan is-settur dwar il-fehma tagħhom dwar il-proposta tal-PN. Ir-reazzjoni li ingħatajna minn dawk li avviċinajna għall-fehma tagħhom hija li minkejja li se jsir dan id-dibattitu fil-Parlament, ħadd minnhom ma kien infurmat dwar dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista permezz tal-mozzjoni li qed iressaq. Il-proposti qed isiru bla ebda konsultazzjoni.

F’ Marzu ta’ din is-sena, il-Gvern kien ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bħala parti minn riforma estensiva li qed isir fit-tisħiħ tar-regolamenti fis-settur tal-kostruzzjoni. Din il-konsultazzjoni kienet saret dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja għal min iwettaq xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini.

Minn statistika li ġabar dan il-ġurnal jirrizulta li kien hemm madwar mitt sottomissjoni dwar dawn it-tlett liċenzji li f’din il-fażi ried jintroduċi l-Gvern. Barra minnhekk, l-Awtorita’ dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni għamlet laqgħat pubbliċi fejn stiednet lil kull min hu interessat f’dawn it-tlett servizzi fis-settur tal-bini. Dawn il-laqgħat kellhom attendenza numeruza tant li aktar minn elf persuna kienu pparteċipaw. 

Fil-process ta konsultazzjoni wiesa’ li mexxa l-gvern kienu ħadu sehem l-operaturi kollha fis settur. Kulħadd kien ħa sehem, ħlief l-Oppożizzjoni li l-ewwel tat x’tifhem li se tieħu sehem imbagħad irrifjutat. Dan kien ħoloq diżappunt qawwi mill operaturi fis settur li ħassewhom għal kollox injorati mill-Oppożizzjoni. Issa l istess operaturi jinsabu diżappuntati mill-ġdid hekk kif minflok poġġa u ddiskuta magħhom, il-PN qed jipprova jimponi fuqhom u jrid juża l Parlament biex jaghmel dan.

Minkejja li l-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu Stanely Zammit qed jipproponi d-dhul ta’ numru ta’ liċenzji biex jirregolaw dawn l-oqsma, ma kull min tkellem dan il-gurnal, jirriżulta li operaturi f’dan is-settur jinsabu għal kollox fl-għama dwar il-liċenzji li l-PN irid li jiddaħħlu mil-lum għal għada permezz ta’ din il-mozzjoni. 

Bosta stakeholders fis-settur tal-kostruzzjoni qed jinnutaw l-impenn tal-gvern li jintroduċi bidliet f’dan is-settur, bidliet li ilhom biex isiru. Din is-sena il-Gvern wettaq diversi tibdiliet importanti u diġà tħejjew oħrajn li se jsiru fiż-żmien li ġej. Hija ċara d-differenza dwar il-mod f’kif il-Gvern qed jipproponi dawn il-bidliet u kif qed jitwettqu b’mod sturtturat u dan, wara konsultazzjoni wiesgħa u effettiva għall-mod kif il-PN irid juza proċedura parlamentari biex jiġu ntrodotti numru ta’ liċenzji f’daqqa mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn. Dan ukoll huwa għal kollox bil-maqlub ta’ dak li ġie rrappurtat li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-aħħar jiem meta stqarr li jekk ikun fil-Gvern, se jkun Gvern li jikkonsulta ma’ kulħadd.

Minn riċerka li għamel dan il-ġurnal jirriżulta li meta l-Oppożizzjoni ressqet il-mozzjoni li se tkun qed tiġi diskussa, ma kien hemm ebda konferenza stampa li fiha l-proponent spjega jew ta l-opportunitajiet biex il-medja tagħmel id-domandi tagħha dwar dak il-qed jiġi propost, Wisq inqas l-operaturi u dawk involuti f’dan is-settur ma kellhom ebda għarfien li bidla daqshekk importanti kienet se tigi diskussa. 

Fil-preżent, l-Awtorita dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni għandha quddiemha madwar 4000 applikazzjoni ta’ persuni jew kumpaniji li applikaw għal-liċenzji tat-twaqqigħ, skavar u bini. Kumitat speċjalizzat qed jevalwa dawn l-applikazzjonijiet  bil-għan li sal-1 ta’ Jannar 2025 ikunu nħarġu l-liċenzji. Minn dik id-data ‘l quddiem,  biex wiehed jopera f’dawn it-tlett oqsma irid ikollu liċenzja apposta. 

B’dak li qed jipproponi l-PN, il-kumitat li gie mahtur biex jevalwa dawn l-applikazzjonijiet u applikazzjonijiet oħra li jiddaħħlu, jkollu jitgħabba b’numru mhux magħruf ta’ applikazzjonijiet  għal liċenzji oħra li l-PN li jrid jiddħħlu sal-1 ta’Jannar 2025 meta l-operaturi f’dan is-settur qatt ma ġew konsultati. 

Dan il-ġurnal huwa infurmat li fi żmien qasir, l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se tkun qed tħabbar avviż legali ġdid li jirregola l-liċenzja tal-bennejja. Dawn ir-regolamenti se jkunu qed jissostitwixxu liġi li ilha fis-seħħ aktar minn 150 sena u li qajla rat tibdil tul is-snin. 

Apparti hekk, il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-Malta Insurance Association dwar tiġdid fir-regolamenti marbuta mal-poloz ta’ assikuarazzjoni li huma meħtieġa fis-settur tal-kostruzzjoni. Filwaqt l-regolamenti tal-liċenzja tal-kuntratturi qed jintroduċu obbligu fuq kull kuntrattur li għandu jiżgura li f’kull biċċa xogħol li titwettaq għandu jkun hemm polza ta’ assikurazzjoni, inħasset il-ħtieġa li regolamenti li daħħlu fis-sena 2019 jiġu aġġornati biex il-pożizzjoni legali dwar l-obbligi legali jkunu ċċarati. 

Ma jidher li sar ebda studju jew diskussjoni dwar l-impatt li dawn il-bidliet iġibu. L-anqas ma jidher li sar assessment dwar kif il-bidliet mil-lum għal għada se jkunu jistgħu jitħaddmu.

Ekonomija

Sport