Sunday, April 6, 2025

Il-PN bla ideat dwar it-trasport

Aqra wkoll

Li l-Partit Nazzjonalista dejquh il-miżuri tat-trasport li ħabbar il-Ministru Chris Bonett ftit tal-jiem ilu huwa stat ta’ fatt. Li l-Kap tal-Oppożizzjoni kkontradixxa lilu nnifsu fl-ewwel reazzjoni li ta dwarhom huwa fatt magħruf ukoll.

Il-pożizzjoni ta’ Bernard Grech dwar dan is-suġġett qajmet rabja kbira fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dalgħodu, wara pressjoni interna, f’diskussjoni sfurzata li organizzaw biex jiddiskutu dan is-settur u li suppost saret ġimgħa ilu, qalu ħafna kliem imma ma smajna xejn ġdid. Fi ftit kliem, iddeċidew li joqogħdu gallarija, jattakkaw lill-Gvern u ma jiddeċidux.

Aktar minn hekk, evidentament li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li t-trasport jiġi indirizzat f’pajjiżna. Jaħtfu kull okkażjoni biex imaqdru, jippruvaw ikissru l-pjan tal-Gvern u jistaħbew wara l-alternattiva tat-trasport tal-massa, soluzzjoni fit-tul, li filwaqt li l-Gvern dejjem qal li baqa’ jaħdem fuqha, tista’ ssir fuq medda ta’ għaxar jew ħmistax-il sena. Dak huwa l-pjan tal-PN – ma jsir xejn għal mill-inqas ħmistax-il sena.

Dwar it-trasport, kemm fl-immedjat u kemm b’soluzzjonijiet fit-tul, jekk hawn Gvern li għandu kredibilità jieħu deċiżjonijiet kuraġġjużi u jwettaq l-affarijiet huwa Gvern Laburista. It-track record jitkellem waħdu. Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Dan is-sett ta’ miżuri kien l-ewwel pass fl-immedjat. Fil-gimgħat u x-xhur li ġejjin ser ikompli jiġi żvelat il-pjan fit-tul għat-trasport f’pajjiżna. 

Il-PN bla ebda ideat dwar it-trasport. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport