Sunday, June 29, 2025

IL-PN F’KAOS TOTALI

Aqra wkoll

Dik li kellha tkun tellieqa bejn il-ħbieb biex jinħatar Kap ġdid tal-PN qed tiżviluppa f’battalja ħarxa bi ġlied fuq il-media soċjali bejn il-partitarji ta’ Adrian Delia u Alex Borg. Borg qed ikun akkużat bi tradiment waqt li oħrajn qed jaqbżu għalih billi jgħidu li fis-surveys qiegħed fuq quddiem. Oħrajn ma jistgħux jifhmu kif wara li fl-aħħar xhur Delia imbotta lil Borg, issa jrid li jsir Kap hu. Partitarji oħrajn staqsew b’liema mod minn wara daharhom sar xi ftehim bejn Delia u Borg dwar min għandu jsir Kap.

Il-PN f’riskju li jinfired

Spikkaw fl-aħħar sighat kummenti ta’ Sandra Darmanin, partitarja ewlenija ta’ Adria Delia. Darmanin kitbet illi hija kienet tirrispetta lil Alex Borg minkejja li ma kinitx tafu personalment iżda Adrian Delia ta’ spiss kien jiiddeskrivieh bħala ġentlom. Darmanin qalet li madankollu l-mod kif Borg ta kelmtu iżda imbagħad biddel ir-rotta f’erba’ u għoxrin siegħa, iqajjem tħassib serju dwar l-affidabbiltà u l-ġudizzju tal-avukat Għawdxi.

‘U xi ngħidu dwar il-ħabib tiegħek. Dak li inti taf li kien tant qed jiżen din id-deċiżjoni profondament. Kont taf kemm kienet diffiċli għal Adrian. Kont taf dwar id-diskussjonijiet twal ma’ Cynthia u l-familja tiegħu. Kont taf li kien għadu qed jaħseb jekk għandux jimxi ’l quddiem, bir-reqqa, b’mod altruwista u bil-pajjiż f’moħħu. Min jagħmel hekk lil ħabib? Min joqgħod fis-skiet imbagħad jidħol biex jikkompeti mingħajr twissija?’, kitbet Darmanin.

Żiedet li Adrian Delia kien kostanti u konsistenti. Hekk tkun it-tmexxija. Darmanina indirizzat lil Borg u qaltlu li jekk kien neċessarju li jikser kelmtu, għandu jispjega għaliex għamel hekk, mhux bi slogans, iżda b’sinċerità. ‘Fil-politika, l-għażliet diffiċli huma parti mix-xogħol. Iżda dak li jifred lill-mexxejja huwa kif jittrattaw lin-nies l-aktar qrib tagħhom’ kompliet il-partitarja ta’ Delia.

Sandra Darmanin akkużat lil Borg li minħabba dak li għamel il-PN qed jirriskja li jinfired u kompliet li waqt li ma vvotatx fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kienet qed tistenna bil-ħerqa li tivvota fl-elezzjoni li ġejja, iżda issa jidher li fil-PN ma hemmx lealtà.

Alex Borg akkużat li tajjeb biss għall-pożi

Immedjati kienu r-reazzjonijiet. Lorraine Ferriggi staqsiet lil Darmanin x’jiġifieri jsir ftehim minn wara dahar kulħadd u jiddeċiedu min jilħaq Kap. ‘Diġa qed turu kemm ma jimpurtakomx minn nies, għax il-polls juru ċar in-nies xi jridu u lil min’, kitbet Ferriggi. Mariella Grixti ukoll kitbet li ma taqbilx ma’ ftehim minn wara dahar it-tesserati. ‘Id demokrazija titlob li joħrog min jixtieq, imbagħad jintagħzel il-persuna li skont it-tesserati huwa l-aħjar għall-PN u għall-pajjiż. Mhux sew li xi ħadd ikollu joqgħod lura, kontra r-rieda tiegħu, meta jaf li għandu ħafna nies jappoġġjawh’, sostniet Grixti.

Ċerta Angele Marie wieġbet lil Darmanin u qalet li hija qatt ma kellha xi rispett kbir fil-konfront ta’ Borg  u żiedet li dak li ġara fl-aħħar siegħat ikkonferma d-dubji li kien hemm dwaru. Qalet li d-deputat Għawdxi tajjeb biss għall-pożi u moħħu biss fih innifsu u biex ikun iċ-ċentru ta’ kollox. Angele Marie akkużat lil Borg li immina t-tmexxija tal-PN fil-Parlament. Akkużatu wkoll bi tradiment u qalet li Alla jilliberana milli l-pajjiż jkollu persuna bħal Borg imexxih. Il-partitarja Nazzjonalista qalet li hi se tappoġġja lil Delia għax bejn raġel leali u ieħor li jilghab il-logħob, l-għażla hi ċara.

Joseph Gauci ukoll wieġeb lil Darmanin u qalilha ‘mhux aħjar milli tal-Labour jgħidu li Dr Adrian Delia tellaq waħdu? Ħafna paroli vojt biex toħolqu l-qasmiet iżjed milli diġà hemm. Minflok tgħidu kelma ta’ ġid iżjed tagħmlu ħsara’. Mariaelena Tanti Gregoraci kitbet ‘ma tgħallimniex mill-iżbalji. Komplu paxxu n-nies’.

Alex Borg u l-Blue Heroes

Bosta kienu l-kummenti bi kritika qawwija fil-konfront ta’ Alex Borg. Michael Calleja akkuża lil Borg li qiegħed ikun sfurzat jikkontesta għal Kap mill-Blue Heroes li ma jniżżlux il-ħsieb li Delia jista’ jerġa’ jkun Kap, kumment li ġab reazzjoni minn ħafna li qalu lil Calleja biex jekk għandu l-provi joħroġhom. Michael J. Licari kiteb li Delia ma jogħġbux iżda Borg dejjem tah l-impresjoni li hu showman u sabiħ ħafna fuq barra imma ftit sugu minn ġewwa.

Keith Farrugia indirizza dan il-messaġġ lid-deputat Ghawdxi – ‘Alex. Raġel li ma jżommx kelmtu ħafna drabi jitqies bħala : Mhux fdat, dgħajjef fil-karattru, kliem biss, bla fatti, mhux serju u bla prinċipji. Gertrude Spiteri qalet li Borg ddiżappunta lil kulħadd meta kienu jaħsbu li kien raġel. Albert Mamo esprima nuqqas ta’ fiduċja f’Borg li qal li għad irid jimmatura, xi ħaġa li skont hu għamel Delia.

Delia u Borg akkużati li ttradew lil Grech

Kien hemm iżda wkoll ħafna li qabżu għal Borg. Simon Borg kiteb li jekk id-deputat Għawdxi huwa iktar popolari minn Delia, għal x’hiex m’għandux jikkontesta għal Kap. Żied li wara kollox Delia nnifsu kien qed jimbotta lil Borg biex isir Kap u staqsa x’inbidel. Josephine Farrugia kitbet li min għandu viżjoni, għandu d-dritt li joffriha u Alex Borg lest jagħmel dan. 

Michael Spiteri argumenta li Bernard Grech rriżenja riżultat tas-surveys u issa li Borg għandu s-surveys kollha favurih iżda Alla jbierek ma jistax jikkontesta. Ryan Axisa minn naħa tiegħu saħaq li wara s-suċċess li kellu fl-aħħar elezzjoni ma kienx jagħmel sens li Borg ma jikkontestax, b’Marco Cremona jistaqsih x’jirrapreżenta eżatt Borg u jgħid li dak li huwa magħruf dwari sal-lum, xejn ma jawgura tajjeb.

Numru ieħor ta’ persuni kkumentaw dwar dak li għaddej fil-PN mingħajr ma esprimew appoġġ lil Delia jew lil Borg. Carol Galea kiteb li kemm Delia u kif ukoll Borg taw bis-sikkina lil Bernard Grech u t-tnejn ma jixirqilhomx li jmexxu meta huma tradituri. L-avukat Austin Sammut kiteb illi meta wieħed jaħseb li il-PN, b’passat tant glorjuż, ħie jiddependi fuq żewġ tipi bħal dawn, jaqta’ qalbu li qatt jara lill-PN fil-gvern. Tony C. Cutajar qal li kien qed jistenna ħafna iktar miż-żewġ kontestanti.

Il-PN miexi lejn gwerra civili

Steve Borg kiteb li l-PN miexi lejn gwerra ċivili. Fil-kummenti tiegħu Joe Anastasi qal li fil-PN ma inbidel xejn anzi l-ġlied intern żdied u żied li jinsab konvint li fadal żmien twil biex il-PN jirbaħ elezzjoni ġenerali. Bernard Micallef issugerixxa li l-PN jinqasam u ssir koalizzjoni mal-Partit Momentum ta’ Arnold Cassola u qal li  jekk ma jsirx hekk il-PN se jerġa’ jkollu telfa kbira. Mario Zammit qal li l-PN għandu jkun xolt bil-għan li jeħles minn nies ta’ Repubblika u Occupy Justice u ma jibqax ikun hemm partit f’partit.

Fl-opinjoni ta’ Jonathan Bianco, l-PN għandu bżonn Kap li jkun kariżmatiku u li kulħadd fil-partit jimxi warajh mingħajr ma jkollu l-ħin kollu min jagħtih bis-sikkina. Żied li min jaf Bernard Grech kemm huwa komdu issa li ħeles minn din id-drama kollha.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN se tibqa’ tirċievi dikjarazzjonijiet ta’ interess għall-elezzjoni ta’ Kap sal-lum il-Ħadd fis-2pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport