Sunday, November 24, 2024

“Il-PN flok għen lix-xufiera Maltin, ħalliehom lampa stampa”

Il-bużulotta tal-Arriva li Gvern Nazzjonalista qabad teżor flus u ħarqu f’idejn il-barranin

Aqra wkoll

Id-Deputat Laburista, Omar Farrugia, bi ħġaru rritalja kif bl-iswed fuq l-abjad il-Budget 2023 huwa prova ta’ kif il-flus tal-pajjiż taħt Gvern Laburista jmorru għand in-nies u l-figuri ppreżentati fih huma prova ċara tad-differenza bejn iż-żewġ partiti. Huwa li ġej minn familja ta’ xufiera u ħaddiema fuq tal-linja fakkar fir-riforma mill-Gvern Nazzjonalista li biha kien berbaq l-għexirien ta’ miljuni fil-“bużulotta ta’ dak iż-żmien tal-Arriva” li biha flok għen lix-xufiera Maltin jixtru trakk ġdid, jimmodernizzaw is-servizz u jtejbu lilhom infushom, ħalliehom lampa stampa.

Filwaqt li rrakkonta kif it-trakkijiet kienu parti mill-wirt fil-familja tiegħu, Farrugia spjega li dawn it-trakkijiet antiki imma bi storja, kienu qishom opri f’mużew imma l-PN kienu jgħidu li x-xufiera Maltin u Għawdxin li ma kienux tajbin u li hemm bżonn li nimmodernizzawhom.

Id-Deputat Laburista Omar Farrugia

Dan id-Deputat Laburista saħaq li, “qbadna teżor flus u ħraqnih f’idejn il-barranin. Lix-xufiera qalulhom li t-trakk tagħhom, li kien wieħed mill-wild tagħhom, li huwa tajjeb biss biex jintrema jew jiżżarma biċċiet”.

Saħaq li din il-mossa wasslet biex parti mill-Istorja u l-kultura tal-pajjiż ġiet mormija għal riforma li ma tgħidx kienet tajba u rnexxiet, iżda li kienet falliment totali. Min-naħa tiegħu Farrugia spjega li dan kollu miss xufiera Maltin u Għawdxin li għamlu snin twal jaħdmu fis-sħana, b’sagrifiċċji kbar għalihom u għall-familji tagħhom.

“Anke meta jkunu frank kont tarahom fil-garaxx jaħdmu fuq it-trakk, xi ħajta fis-seat, xi tieqa li qiegħda tiżerżaq jew iduru naqra l-magna… Kienet qisha tarbija għalihom. Kellek irġiel ta’ 50 u 60 sena jibku meta ħadulhom iċ-ċwievet tat-trakk. Qalulhom morru aħdmu mal-Arriva bil-minimum wage,” spjega b’emozzjoni Farrugia. 

Weġgħat li n-nies mhumiex se jinsew…

Id-Deputat Laburista qal li dawn huma l-weġgħat li n-nies mhumiex se jinsew u staqsa kif dak iż-żmien ma stajniex inħarrġu lill-Maltin biex itejbu fejn kien hemm in-nuqqasijiet. ”Ma stajniex nikkonsidraw mudell bħal koperattiva moderna, fejn għandek struttura kummerċjali iżda li żżomm il-prinċipju ta’ xufier bit-trakk tiegħu li tant serviet tajjeb lil pajjiżna?” insista Farrugia.

Min-naħa tiegħu huwa qal li hekk kienu jintefqu l-flus – ħafna tlellix u arroganza u l-Malti u l-Għawdxi jispiċċa jbati l-konsegwenzi. Sostna li din kienet ferita li waslet għal uħud biex jaqgħu fi kriżi personali, dipressjoni u anke agħar. 

“Ferita profonda li n-nies li nirrapreżenta tal-Ħames distrett, għadhom iħossu sal-lum. Sal-lum il-Partit Nazzjonalista lanqas kellu d-diċenza jitlob skuża lil dawn il-familji għal din l-inġustizzja morali. Dawn huma d-differenzi li m’għadniex nieħdu bħal li kieku xejn m’hu xejn,” temm Omar Farrugia. 

Sport