Friday, September 5, 2025

IL-PN: Għaliex b’għażla daqstant ristretta?

Aqra wkoll

Huwa mistenni li fi ftit sigħat oħra l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap ġdid, il-ħames wieħed mit-telfa elettorali kbira bla preċedent li kien ġarrab il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien immexxi minn Dr Lawrence Gonzi, fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 kontra l-Partit Laburista allura mmexxi minn Dr Joseph Muscat.

Sempliċiment għal skop ta’ kronoloġija: Wara r-riżenja ta’ Lawrence Gonzi minn Kap, inħatar Dr Simon Busuttil, li wara li tilef l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 irriżenja. F’Settembru 2017, kontra r-rieda manifestata ta’ Dr Simon Busuttil il-Partit Nazzjonalista ħatar lil Dr Adrian Delia bħala Kap. Kien ċar daqs il-kristall li l-fazzjoni mmexxija minn Dr Simon Busuttil lil Delia ma aċċettatu qatt. L-istorja ta’ kif għamlulu ħajtu martirju jafha kulħadd, għalkemm żgur li mhux fid-dettall tagħha. Kien x’kien, Delia kellu jirriżenja u spiċċa biex tilef it-treġija tal-Partit Nazzjonalista u floku ddaħħal Dr Bernard Grech f’Ottubru 2020. Wara l-ewforija tal-bidu u r-riżultati elettorali diżastrużi miksuba fis-snin sussegwenti, partikularment dak tal-Elezzjoni Ġenerali li saret f’Marzu 2022 fejn il-Partit Nazzjonalista tilef b’distakk ta’ kważi 40,000 vot kontra l-Partit Laburista issa mmexxi minn Dr Robert Abela, beda jberraq bl-ikrah għal Bernard Grech.

Madankollu kien Bernard Grech li ħoloq l-aktar maltempata riċenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista meta f’Ġunju li għadda faqqa sajjetta: ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap, biex illum ninsabu ftit jiem biss bogħod minn ħatra ta’ Kap ieħor: kariga li hija kontestata minn Adrian Delia (mill-ġdid) u minn Alex Borg.

Sitwazzjoni li twassalni għall-kummentarju tiegħi tal-lum u għall-mistoqsija tat-titlu. Il-PN: Għaliex b’għażla daqstant ristretta?

Ilbist il-kappell ta’ tesserat tal-Partit Nazzjonalista li din il-ġimgħa rrid nivvota biex nagħżel Kap ġdid. U bdejt nirrifletti u nberren f’moħħi. Apparti li, u nemmen li bir-raġun, ikkonkludejt li mhux normali għal partit politiku bħall-Partit Nazzjonalista li jkollu ħames kapijiet fi 12-il sena, ma nistax nifhem għala partit li jħobb isejjaħ lilu nnifsu ‘glorjuż’ jispiċċa b’għażla daqstant limitata u ristretta.

Għax ngħiduha kif inhi: partit ‘glorjuż’ għandu jkollu problema differenti fl-għażla! Kellu jkollu ħemel ta’ kandidati u mhux tnejn, b’wieħed minnhom ‘riċiklat’.

Staqsejt lili nnifsi bil-kappell ta’ tesserat tal-Partit Nazzjonalista: Fejnhom dawk li kkonfoffaw bil-moħbi u bil-miftuħ biex lil Delia għamlulu ħajtu miżerja bejn Settembru 2017 u Ottubru 2020? Ippretendejt li jkun hemm xi ħadd minnhom lest jidħol għal din il-kariga. Għaliex kollha żammew lura?

X’inhi l-pożizzjoni tagħhom ISSA fil-konfront  ta’ Delia? Ma ninsewx li dawn saħansitra ppruvaw jinvolvu sal-President tar-Repubblika biex jittajjar Delia. X’inbidel fil-konfront ta’ Delia minn Ottubru 2020 sal-lum? Inbidel Delia u lest jitmexxa minn imnieħru? Jew inbidlu huma? U jekk inbidlu huma, b’liema u f’liema mod? U l-istess fil-konfront ta’ Delia. Jekk inbidel hu f’liema u b’liema mod? Kien x’kien it-tibdil, fin-naħat kollha, it-tesserati ġew mgħarrfin b’dan kollu? Ma jidhirlix li saru xi apoloġiji għajr minn Delia WARA li qal li kien hemm min għamel apoloġija lilu? Min għamillu apoloġija, jekk għamillu, u fuq liema kriterju? Id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti li ħadu sehem fil-konfoffa ma kienux tnejn jew tlieta. Dawn m’għandhom jinsew QATT li marru kontra r-rieda mill-aktar demokratika tat-tesserati li kienu għażlu lil Delia.

Lura għall-għażla daqstant ristretta. X’żamm milli jkun hemm aktar min ikun interessat imexxi l-Partit ‘glorjuż’ Nazzjonalista? X’inhuma l-problemi, għajr dawk finanzjarji, li beżżgħu aktar kontestanti? X’wassal verament lil Bernard Grech biex bħal sajjetta fil-bnazzi jirriżenja mit-tmexxija tal-partit? Għaliex kien hemm min ħassu urtat bid-deċiżjoni ta’ Bernard Grech? Jew ma kienet sajjetta fil-bnazzi xejn? Jekk ma kinetx sajjetta fil-bnazzi allura għaliex għażla daqstant ristretta?

Ġenwinament nemmen li ħafna huma dawk it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista li fil-ġimgħat li għaddew, u aktar u aktar fil-jiem li ġejjin, ħasbu u qegħdin jaħsbu f’din il-linja ta’ ħsieb.

U Roberta Metsola? Roberta beżqet fis-sunnara ħabib u ħalliet lill-Partit Nazzjonalista jgħum waħdu f’baħar imqalleb. L-impressjoni ta’ salvatriċi sfumat fix-xejn. Brussell u dak kollu li ġġib magħha hija attraenti ferm aktar minn Tal-Pietà!

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport