L-aħbar li l-Gvern identifika 10 siti fejn jistgħu jiġu installati bins taħt l-art madwar Malta u Għawdex biex tkun indirizzata l-problema tal-iskart qajmet diskussjoni kif xieraq. B’danakollu jidher li kien hemm qbil wiesgħa fil-pajjiż dwar l-introduzzjoni ta’ din l-inizjattiva, li saħansitra kienet waħda mill-wegħdiet tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali tal-2022.
Iżda f’Malta għandna l-isfortuna li donnu dejjem irridu nagħmlu ballun politiku minn xi inizjattiva jew oħra. Kif fil-fatt ġara anke f’din il-miżura li l-għan tagħha huwa li ttaffi kemm jista’ jkun mill-problema tal-volum tal-iskart li jiġġenera pajjiżna.
Qed ngħidu dan għaliex il-Partit Nazzjonalista pprova jieħu l-mertu ta’ din il-proposta hu, meta l-fatti juri mod ieħor. Il-PN, permezz tad-Deputata Eve Borg Bonello, qal li f’Awwissu tal-2025 kien ippreżenta dokument imsejjaħ “Innaddfu lil Malta”, li fih hemm inkluża l-proposta għall-introduzzjoni ta’ bins taħt l-art.
Iżda l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tant hi aljenata u mifxula li qajla ntebħet li din il-proposta kien ressaqha l-Partit Laburista tliet snin qabel fil-manifest elettorali tal-2022. Fl-istess manifest, il-Partit Laburista kien qal li se jaħdem fuq proġett pilota ta’ underground refuse collection sabiex ikunu introdotti metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart.
Anke l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, lura fl-2019 u fl-2021, jiġifieri ferm qabel ma ħareġ biha l-PN, kienet diġà wettqet studju estensiv bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali fuq pjan ħolistiku għall-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna. Minn dak l-istudju ħarġu diversi proposti pożittivi fosthom sistemi bħal underground waste bins. Dan biex ma nsemmux ukoll li anke L-Orizzont snin ilu kien tkellem dwar il-ħtieġa li jitwettaq proġett ta’ din ix-xorta.
Għalhekk il-fatti jkomplu jnawru l-kredibiltà tal-Partit Nazzjonalista. Mhux biss fil-qasam politiku imma wkoll fl-immaġni li qed jipprova juri lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv jew “a Government in waiting.” Dan huwa wieħed mill-każijiet li l-Oppożizzjoni ppruvat tikseb punti politiċi minnhom. Iżda l-fatti kollha u f’kull każ juru bil-maqlub ta’ dak li qed jipprova jipproġetta l-Kap tal-Oppożizzjoni u esponenti tal-PN.
Aħna nemmnu f’politika onesta u veritiera u li proġetti pubbliċi ta’ portata nazzjonali m’għandhom qatt jiddawru f’ballun politiku minn xi naħa jew oħra. Il-validità ta’ dawn il-proġetti tinsab mhux f’min joħroġ bihom l-ewwel imma l-benefiċċji li dawn it-tip ta’ proġetti jħallu warajhom, wara li jiġu implimentati. Wara kollox, proġetti ta’ din il-portata huma ffinanzjati mit-taxxi tal-poplu. Għalhekk dawn għandhom jibqgħu tal-poplu lil hinn minn kull partiġġjaniżmu politiku.

