Jekk hawn xi ħadd li konsistentement imur lura mill-kelma u jesponi l-inkompetenza tiegħu fis-settur tat-trasport, mhu ħadd ħlief il-Partit Nazzjonalista.
Mhux talli Gvern Laburista mmodernizza l-operat tal-karozzi tal-linja, tant li l-flotta qegħda dejjem tiġġedded, tnaqqas it-tniġġis u toffri iktar kumdità, iżda aktar minn hekk, ittieħdet id-deċiżjoni għaqlija li l-€34 miljun li qed jirreferi għalihom il-PN, il-Gvern ħariġhom fi skemi ta’ trasport sostenibbli biex imorru direttament fil-bwiet tan-nies.
Riċentament, ġiet introdotta wkoll skema oħra b’inċentiv finanzjarju sa massimu ta’ €1,000 għal min jixtri mutur li jaħdem bil-petrol. Inizjattiva li tkompli tippromwovi l-użu ta’ vetturi li jniġġsu anqas u li jwasslu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar. Din ħarġet filwaqt li diġà hemm għotja separata ta’ €2,000 għal min jixtri mutur jaħdem bl-elettriku.
Bl-istqarrija tal-lum il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li kieku kien imexxi hu, l-€34 miljun ma kienux imorru għand in-nies. Tal-PN iridu jneħħulek il-grants biex ma tinvestix f’vettura elettrika.
Din hija ipokrezija assoluta meta tqis li filwaqt li l-Oppożizzjoni trid iċċaħħdek mill-fondi, membri tal-Oppożizzjoni stess, fosthom id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, wieħed mill-firmatarji tal-istqarrija tal-lum, gawdew mill-iskemi tal-Gvern biex jaqilbu minn karozza bi fjuwil tradizzjonali għal waħda elettrika. L-aqwa li jkunu moqdijin huma.
Id-differenza fl-attitudni tibqa’ waħda netta. Il-Partit Laburista jemmen fil-politika tal-inċentiv u mhux fil-politika tal-kastig.