Tuesday, December 24, 2024

“Il-PN irid jibqa’ joħnoq l-vuċi tad-diversità u r-rispett”

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

F’battibekk dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ ŻiguŻajg, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg sostniet bil-qawwa li l-Partit Nazzjonalista huwa fundamentalment kontra l-ugwaljanza. 

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg stqarret dan b’reazzjoni għal dak li kitbet fuq il-midja soċjali l-Kelliema għall-Kultura tal-PN, id-Deputat Julie Zahra li qalet li kellmuha bosta genituri mħassba fuq rappreżentazzjoni bl-isem “Gender Boss” organizzata minn ŻiguŻajg li se tittella’ aktar tard dan ix-xahar għal tfal bejn it-8 u l-10 snin li għaliha huma mistiedna wkoll l-iskejjel.

Fil-kumment tagħha fuq il-midja soċjali, Julie Zahra ammettiet li ma kellhiex kopja tal-iscript u allura ma setgħetx tikkummenta fid-dettall u b’mod infurmat iżda biss fuq kif qed tkun deskritta din ir-rappreżentazzjoni. 

Fir-reazzjoni tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg sostniet li l-istqarrijiet li saru fl-aħħar sigħat mid-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra kienu ta’ tħassib għax jikxfu t-twemmin fundamentali tal-Partit Nazzjonalista kontra l-ugwaljanza. 

Buttigieg irrimarkat li Zahra, li tridha ta’ politiku modern iżda fil-verità hija fost il-konservattivi, ħaditha qatta bla ħabel kontra rappreżentazzjoni artistika li l-għan tagħha huwa li sempliċiment twassal messaġġ favur l-inklussività.

“Mhux biżżejjed li l-PN dejjem ħadem u vvota kontra l-introduzzjoni tad-drittijiet ċivili. Iridu jibqgħu joħonqu l-vuċi tad-diversità u r-rispett,” sostniet Buttigieg. “Jistgħu jserrħu moħħhom li se jsibu lilna nipproteġu l-interessi ta’ kull ġeneru u orjentazzjoni, f’soċjetà li tgħożż l-imħabba.”

ŻiguŻajg huwa programm tal-gvern ta’ avvenimenti artistiċi mmirati lejn iċ-ċittadini u l-familji u se jtella’ produzzjoni multidixxiplinarja mmirata biex tgħallem lit-tfal dwar il-fluwidità tal-ġeneru.

Ekonomija

Sport