Wara aktar minn xahrejn ta’ kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ ħareġ rebbieħ Alex Borg. It-tesserati Nazzjonalisti, taw il-fiduċja tagħhom lid-deputat ta’ 30 sena – l-iżgħar mexxej li qatt kellu l-PN fil-ġenerazzjoni moderna tiegħu.
Din ir-rebħa fuq Adrian Delia hija pass storiku li timmarka bidla qawwija fil-Partit Nazzjonalista. Il-kandidatura ta’ Borg kienet immarkata minn diskors fuq innovazzjoni, enerġija ġdida u trasparenza b’mod partikolari bil-proposti tiegħu ta’ CEO għall-PN u sistema ta’ crowdfunding għall-finanzi tal-Partit. Dawn tqiesu bħala ideat friski u moderni. Iżda, l-isfida issa hija l-implimentazzjoni tagħhom.
Min-naħa l-oħra d-dgħufija prinċipali ta’ Borg tibqa’ n-nuqqas ta’ esperjenza fit-tmexxija. Issa dan il-Kap ġdid tal-PN irid juri mhux biss li huwa kapaċi jmexxi lill-Partit tiegħu, iżda wkoll li kapaċi jġib flimkien lill-grupp parlamentari maqsum, kif ukoll jikkonvinċi lill-poplu Malti u Għawdxi li l-Oppożizzjoni tista’ terġa’ ssir alternattiva kredibbli.
Kampanja ta’ ġlied u tradiment
Dik li l-PN ipprova jbigħ bħala “tellieqa bejn il-ħbieb” spiċċat fi gwerra interna oħra. Din ħarġet b’mod ċar fuq il-midja, speċjalment dik soċjali, b’kummenti qawwija ta’ partitarji minn naħat opposti.
Adrian Delia ħassu tradut minn Borg meta dan tefa’ l-kandidatura tiegħu. Saħansitra, xi partitarji ta’ Delia għajru lil Alex Borg “żiemel ta’ Trojja”. Il-kampanja, flok għenet lill-Oppożizzjoni turi stampa ta’ partit magħqud, ħarġet iktar fil-miftuħ il-firdiet u l-kriżi ta’ identità li ilha tħawwad lill-PN.
Il-vot tat-tesserati tal-bieraħ wera x-xewqa għal bidla ġenerazzjonali. L-għażla finali ta’ Borg hija sinjal ċar ta’ frustrazzjoni lejn tmexxija tal-passat u tentattiv biex il-PN jerġa’ jsir partit relevanti.
Minn suċċess għal kriżi kontinwa
Il-Partit Nazzjonalista ilu jeżisti sa mill-1880. Wara żmien ta’ suċċess u modernizzazzjoni taħt Eddie Fenech Adami (1977–2004), beda n-niżla taħt Lawrence Gonzi (2004–2013) u ġarrab l-ewwel telfa minn serje twila.
Taħt Simon Busuttil (2013–2017), il-PN tilef bil-kbir kontra Joseph Muscat. Wara Busuttil, ġie elett Adrian Delia (2017–2020), iżda iżda hawn bdiet kriżi qawwija li spiċċat bil-ħatra ta’ Bernard Grech fl-2020. Anke taħt Grech, id-distakk mal-Partit Laburista baqa’ enormi.
Illum, il-PN għamel bidla radikali: tefa’ l-fiduċja tiegħu f’figura żagħżugħa u relattivament bla esperjenza. Din id-deċiżjoni tista’ tkun jew il-bidu ta’ rinnovament storiku jew avventura riskjuża.
Delia: Tradiment doppju?
Minkejja l-kontroversji, Adrian Delia kien jirrappreżenta esperjenza. Wara t-tmexxija tiegħu bejn l-2017 u l-2020, ħafna rawh bħala figura li setgħet tipprovdi kontinwità u strateġija organizzattiva. Il-proposta tiegħu ta’ hub diġitali u tisħiħ finanzjarju kienet ambizzjuża, għalkemm kritiċi qalu li kienet aktar retorika milli pjan realistiku.
Ir-riżultat juri li t-tesserati riedu xi ħaġa differenti. Id-deċiżjoni li ma jagħżlux lil Delia tfisser li l-Partit ċaħad ir-ritorn tiegħu u agħżel il-ġejjieni fuq il-passat. Għal Delia din tista’ tfisser tradiment doppju.
Il-PN: bidu ta’ kapitlu ġdid jew esperiment perikoluż?
Il-proposti ta’ Borg bħall-ħatra ta’ CEO u l-crowdfunding jistgħu jagħtu spinta lill-PN u jsaħħuh f’termini ta’ trasparenza u finanzjament. Iżda, ir-reġenerazzjoni strateġika teħtieġ ħafna aktar b’mod partikolari viżjoni politika ċara, pjan elettorali kredibbli u inklużjoni interna.
Il-mistoqsija tibqa’: Borg se jkun kapaċi jmexxi u jgħaqqad lill-PN filwaqt li jikkonvinċi elettorat li tilef kompletament il-fiduċja fil-Partit? Jew se jiskopri li l-enerġija żagħżugħa mhiex biżżejjed biex l-Oppożizzjoni terbaħ kontra Gvern Laburista b’saħħtu ħafna?
L-għażla tat-tesserati hija turija ta’ tama f’Alex Borg. Issa jiddependi minnu li juri jekk il-PN huwiex verament lest għal bidu ġdid. Jekk le, il-ħatra tiegħu bħala Kap ġdid tal-PN tirriżulta biss f’esperiment politiku li jista’ jfalli f’qasir żmien.