Il-Budget li ġie ppreżentat mill-Gvern “hu insult għall-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg u l-Kelliema għax-Xogħol Annabelle Cilia qalu li għal darb’oħra l-Gvern tilef opportunità li jsolvi l-problemi ta’ kuljum tan-nies.
L-esponenti tal-PN qalu wkoll li dan il-Budget naqas ukoll li jwettaq il-wegħdi li għamel ftit xhur ilu l-Partit Laburista, li jagħti aktar ħin lill-ġenituri ma’ wliedhom u lill-ħaddiema aktar flessibbilità fil-post tax-xogħol biex jinstab aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, kif ukoll biex ikunu mħarsa l-benesseri tal-ħaddiem.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Gvern reġa’ ħela opportunità li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies, minkejja l-ħafna wegħdi sbieħ tal-manifest elettorali “Int Malta”.
