Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon li l-politiki tiegħu favur il-familji tant huma tajbin u pożittivi, li issa l-Partit Nazzjonalista qed jagħmilhom tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista prova jagħti l-impressjoni li ħareġ b’xi proposta ġdida dwar kif ġenituri għandhom jiġu nċentivati biex ikollhom iktar tfal, mentri llum kellna lill-Kap Nazzjonalista Alex Borg jagħmel copy paste ta’ proposta li l-Ministru Clyde Caruana għamel f’nofs Frar ta’ din is-sena waqt aġġornament fil-Parlament.
Il-Ministru Caruana kien ippropona li l-Gvern joħloq rata ġdida ta’ taxxa għall-ġenituri li jkollhom it-tieni wild. Dan bil-ghan li jinkoraġixxi lill-ġenituri jkollhom aktar ulied, bil-Gvern jgħinhom finanzjarjament biex jagħmlu din l-għażla.
Barra li jikkopja proposti tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu qed jgħidu li se jdaħħlu skemi ta’ sostenn lill-familji li l-Gvern ilu snin li daħħal, fosthom l-10% deposit scheme u l-equity sharing scheme tal-housing. Eżempju ieħor huma l-proġetti tal-housing affordabbli li diġà bdew fil-pajjiż u li l-Kap Nazzjonalista jiftaħar li se jintroduċi.
Il-politika ta’ Gvern Laburista favur il-familji mhux biss qed tintlaqa’ b’mod tajjeb ħafna mill-familji Għawdxin u Maltin, iżda issa anke mill-Partit Nazzjonalista, li qed jagħmel copy paste tal-proposti u tal-miżuri ta’ Gvern Laburista.