Sunday, December 14, 2025

Il-PN jikkoreġi stqarrija dwar diskors li qal il-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament

Aqra wkoll

Wara laqgħa mal-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Partit Nazzjonalista u anke l-portal Net News ikkoreġew stqarrija li kienu ħarġu dwar dak li kien intqal mill-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament.

Il-Ministru Camilleri kien tkellem dwar l-operazzjoni tal-Pulizija fis-Swieqi b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga. F’ruling li ta l-ġimgħa li għaddiet l-Ispeaker, intqal li fl-ebda ħin u mument ma l-Ministru Camilleri qal u kien qed iwaħħal fil-Maġistrat biex saret din l-operazzjoni fis-Swieqi kif ġie allegat.

Għalhekk l-Ispeaker talab biex tiġi emendata l-istqarrija maħruġa mill-PN u anke biex issir il-korrezzjoni fl-ewwel opportunità mill-editur tal-portal ta’ Net News. Madanakollu fis-seduta parlamentari tat-Tnejn li għadda, l-Ispeaker innota li kienet għadha ma saret l-ebda korrezzjoni kif indikata fir-ruling mogħti fit-13 ta’ Novembru.

Fl-isfond ta’ dan, l-Ispeaker kien sab prima facie ksur ta’ privileġġ min-naħa tas-Segretarju Ġenerali tal-PN jew minn min hu nkarigat mill-ħruġ tal-istqarrijiet tal-PN kif ukoll mill-editur tal-portal ta’ NET News, u bagħat dan kollu biex jiġi deċiż mill-Kumitat dwar il-Privileġġi tal-Kamra.

Wara li tat dan ir-Ruling, intalbet laqgħa minnufih mill-Partit Nazzjonalista mas-Sedja fejn jirriżulta, għas-sodisfazzjon tas-Sedja, li kien hemm misunderstanding min-naħa tal-PN dwar it-test eżatt tal-korrezzjoni kif mitlub fir-ruling tas-Sedja tat-13 ta’ Novembru 2025 fejn wara li saret din l-ispjegazzjoni kollha, ġie maqbul eżatt il-kontenut u t-test tal-korrezzjoni kif mitluba fir-ruling oriġinali tat-13 ta’ Novembru 2025.

Għalhekk is-Sedja, fiċ-ċirkustanzi, wara li saret il-korrezzjoni minnufih kif jirriżulta li saret, ħassret il-parti tar-ruling li tat is-Sedja nhar it-Tnejn li għadda fir-rigward tal-prima facie ksur ta’ privileġġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport