Waqt laqgħa Politika f’Birkirkara ftit li xejn inbidel it-ton tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-konfront tal-Prim Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija. Għal darba oħra Grech waqt id-diskors tiegħu qal li l-Kummissarju tal-Pulizija stenbaħ u ordna lill-Pulizija biex tarresta żagħżugħ li mar biex iwaħħal banner faċċata tal-bini tal-parlament għax ħasbu li huwa perikoluż.
“Hemm bżonn li nqumu u nipprotestaw għax ħadd mhu se jagħlqilna ħalqna”, sostna Grech filwaqt li kompla jsejjaħ lin-nies biex jingħaqdu miegħu għall-protesta tal-1 ta’ Mejju li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħtiha t-tema ta’ ‘Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem’. Huwa ddeskriva l-attività quddiem l-Isptar San Luqa bħala opportunità biex isaħħu l-għajta biex fil-Partit Nazzjonalista jsibu bejta fejn iwettqu l-ħolm li jixtiequ.
Għal ġimgħa oħra, Grech kompla biex jitkellem dwar il-kawża tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dwar il-konċessjoni tal-Isptarijiet u reġa’ allega li l-Prim Ministru Robert Abela kompla jiddefendi lil Steward.
Grech sostna li d-dejn nazzjonali f’dawn l-aħħar 10 snin żdied kważi bid-doppju u qal li skontu l-gvern mhu jagħmel xejn biex jgħin lill-ħaddiem filwaqt li qed jippermetti li wħud jistagħnew minn fuq l-oħrajn.
Tkellem ukoll dwar l-isfida tal-ekonomija u t-talbiet għaż-żieda fil-paga ta’ ċertu individwi. Grech staqsa lil dawk il-ħaddiema li qegħdin jibqgħu jitolbu ċertu żidiet jekk dawn humiex finalment jirnexxielhom jiksbuhom jew jekk humiex qegħdin jispiċċaw msikkta minn ħaddiema barranin li lesti li jaħdmu bi prezz irħas.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni trid l-awqa standars ta’ għajxien biex tiżdied il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Huwa qal li għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex ikompli jikxef aktar affarijiet fosthom fis-settur tas-saħħa. Hawnhekk huwa allega dwar wards li mhumiex jaċċettaw pazjenti wara ċertu ħin minħabba nuqqas ta’ staff. Hawnhekk huwa saħaq li dan huwa riżultat tal-għażliet li qiegħed jagħmel dan il-gvern li skontu qiegħed jimplika mal-ħaddiema.
“Meta n-nies tkun muġugħa ma tkunx tista’ tiflaħ iktar u titkellem u hekk hemm bżonn li jkompli jsir. Għalhekk kull ġurnata li tgħaddi qed joħroġ aktar ċar li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li, la jibża’ jitkellem għall-ħaddiem u lanqas huwa miżmum milli jitkellem mal-ħaddiem għax mhuwiex kompromess u ma għamel ebda pass ma min irid jibqa’ jaħtaf f’pajjiżna”, tenna Grech filwaqt saħaq li bil-politika tiegħu l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jattakka l-għoli tal-ħajja biex joffri l-kwalità tal-ħajja li tixraq.