Tuesday, February 18, 2025

Il-PN jitkarrab għall-voti bil-wegħda li se jindirizza l-għoli tal-ħajja… jammetti li għadhom lura fil-voti

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech miċ-Ċentru Inspire f’Marsascala baqa’ jitkarrab għall-voti u biex il-poplu jagħtih fiduċja fl-elezzjoni ġenerali li jmiss bl-argument li se jindirizza l-għoli tal-ħajja.

Għoli tal-ħajja li, kif huwa stess semma’, għandu fatturi barranin li wasslu għal realtà internazzjonali. Minflok, huwa saħaq li l-għoli tal-ħajja li qegħdin nesperjenzaw bħalissa qiegħed jikkontribwixxi għalih il-Gvern.

Filwaqt li l-Kap tal-PN ma semma’ ebda miżura mill-ħafna li f’dawn is-snin il-Gvern preżenti għamel biex ikun ta’ spalla fl-aktar mumenti kritiċi tal-Covid-19 u tal-inflazzjoni li bdiet minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna, huwa beda jelenka x’jagħmel il-partit tiegħu jekk, xi darba, jitla’ fil-gvern.

“L-għoli tal-ħajja huwa realtà ta’ ħafna nies. Nieħdu gost li hawn min mhuwiex affettwat… Aħna ffokati fuq dawk li qiegħda taffettwah fil-ħajja ta’ kuljum. Ma nistgħux inħarsu lejn in-naħa l-oħra,” insista Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, kif ilu jagħmel dawn l-aħħar snin, dawwar is-sitwazzjoni fi kritika lejn it-tmexxija ta’ Gvern Laburista fejn reġa’ semma’ kif il-COLA, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, m’għandhiex tkun intaxxata. Dan minħabba li, skont huwa, fl-aħħar mill-aħħar iż-żieda fuq is-servizzi u l-prodotti li jsofru n-negozji, din xorta waħda jrid iħallasha l-konsumatur.

Elabora li, “meta s-sid tan-negozju jkollhom aktar piżijiet, dawn ikollhom jaraw kif se jirkupraw dawk l-ispejjeż jew inkella jassorbihom huwa. Kien hemm koppja li għandhom negozju li qaluli li bilkemm hu u l-mara jieħdu paga. Ħaddieħor ma setax jagħmel hekk u kellhom jgħollu l-prezz. Jekk allura llum jgħollu s-servizz jew il-prodott, mhux il-konsumatur ikollu jħallas iżjed? B’hekk togħla l-ħajja… Ċirku vizzjuż”.

Bernard Grech indirizza lill-poplu fejn irreklama li, “aħna nafu r-realtà tiegħek. Minn xhiex għaddej u aħna nisimgħuk. Għalhekk qegħdin nagħmlu laqgħat regolari kemm mal-privat u kemm mal-pubbliku. Kulħadd jiġi u jsemma’ leħnu. Għax hekk issir il-politika. Il-politika mhiex suġġett imma realtà ta’ persuna… Realtà ta’ poplu”.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN qal li bħala partit ħarġu bis-soluzzjonijiet fosthom fond ta’ għajnuna għal min jimporta u jesporta “għax aħna rridu ngħinu fejn hemm bżonn”, kif ukoll wieggħed lista ta’ miżuri, benefiċċji u krediti ta’ taxxa li bihom se jgħin lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u lin-negozji. Iżda, l-akbar enfasi għamilha fuq mudell ekonomiku ġdid deskritt minnu li se jkun l-“akbar qabża tal-pajjiż fil-kwalità”.

“Magħna taf fejn int. Tinsiex, li meta tiġi biex tivvota r-realtà hija mhux x’tgħid imma x’tagħmel,” kompla fid-diskors tiegħu Grech. Huwa temm jammetti li l-Partit Nazzjonalista għadu mhux il-favorit fl-elettorat. “Mixjin ‘il quddiem… Ma wasalniex. Imma, il-maġġoranza naqset. Għadu fuq quddiem imma issa jiddependi minnha lkoll. Is-soluzzjoni hija waħda – il-PN fil-Gvern. Il-PN għandu direzzjoni ċara ta’ investiment fil-kwalità fejn inti magħna tgħix il-ħajja ta’ kwalità li tixraqlek,” temm b’tama l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport