Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista b’reazzjoni għal dik iffirmata minn Karol Aquilina, intqal li dan tal-aħħar huwa l-perċimes tal-faxxa estremista li tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru, ħareġ ċar kemm tal-PN huma ddisprati għall-poter tant li nfexxu jheddu biex isaħħnu l-irjus tan-nies.
Intqal ukoll li issa addio rule of law u addio “ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu” għax Aquilina, f’waħda mis-soliti dagħdiegħa tiegħu ta’ fanatiċiżmu politiku, infexx jgħajjar u jhedded, mingħalih, lill-Prim Ministru Robert Abela.
“Il-Prim Ministru mhu se jibża’ mill-ebda theddid ta’ politiku ddisprat bħalma huwa Karol Aquilina, imma jħalli l-proċeduri legali jieħdu l-perkors tagħhom, u jħalli l-Qrati u l-istituzzjonijiet jaħdmu bil-libertà sħiħa ħalli l-ġustizzja ssir kif suppost”, kompliet tgħid l-istqarrija tal-PL.
L-istqarrija tal-PL kompliet tgħid li l-istess Aquilina, li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-politiku Nazzjonalista fallut, Jason Azzopardi, sejjaħlu buġarrun, imma issa reġgħu ‘tgħannqu’ f’dagħdiegħa ta’ mibegħda kontra Gvern Laburista, infexx ukoll jattakka, bi ħdura nsensata, lill-Avukat Ġenerali.
Intant fi stqarrija oħra ftit tal-ħin wara tal-PN, l-Oppożizzjoni sfidat lil Robert Abela biex pubblikament jiddikjara li jaqbel li l-Inkjesta Maġisterjali dwar 17 Black u l-Panama Papers għandha tiġi ppubblikata minnufih.
“Jekk il-Partit Laburista m’għandu xejn x’jaħbi, għalfejn għadu s’issa ma ddikjarax pubblikament li l-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers għandha tiġi ppubblikata mingħajr aktar dewmien?”, temm jistaqsi l-PN.
Aktar qabel: Il-PN jitlob li r-rapport tal-inkjesta 17 Black u Panama Papers jiġi pubblikat minnufih
Rapporti fil-midja lokali qed jgħidu li tlestiet l-inkjesta dwar 17 Black. L-istess rapporti qalu li l-inkjesta li kienet immexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea kkonkludiet li Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino għandhom jiġu akkużati b’rabta ma’ dan il-każ. Ingħad ukoll li l-inkjesta ġiet ippreżentata lill-Avukat Ġenerali fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Intant fi stqarrija l-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina fi stqarrija qal li l-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers għandha tiġi ppubblikata minnufih mill-Avukat Ġenerali mingħajr aktar dewmien.
Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iżomm lill-Avukat Ġenerali minn issa responsabbli għan-nuqqas tagħha li tippubblika r-rapport tal-Inkjesta u għal kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward tal-persuni li l-Inkjesta kkonkludiet li għandhom jiġu akkużati quddiem il-Qrati ta’ pajiżna.