Friday, December 12, 2025

Il-PN ma jitlifx ċans wieħed biex jitkellem kontra l-IVF- il-Partit Laburista

Aqra wkoll


L-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-iffriżar tal-bajd u l-isperma hija stqarrija ta’ politiku li ftit li xejn jifhem fis-suġġett. Agħar minn hekk, l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hija dikjarazzjoni li żżomm sieq fuq naħa u sieq fuq oħra biex ma turtax nies bħall-eks-deputat Edwin Vassallo u l-Kap de Facto tal-PN Adrian Delia li jsabbtu saqajhom kull meta jissemma s-servizz tal-IVF u l-estensjoni tiegħu.

Dan iddikarjah il-Partit Laburista fi stqsrrija, fejn sostna li; “proprju għal din ir-raġuni li fuq naħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu favur l-inizjattiva tal-Gvern li joffri din il-faċilità bħala parti mis-servizz tas-saħħa nazzjonali, filwaqt li mbagħad beda jsib l-iskużi kollha biex jitkellem kontra l-inizjattiva li tħabbret aktar kmieni din il-ġimgħa”

Il-PL qal ukoll; “Is-servizz li qed jiġi offrut kemm lin-nisa u kif ukoll lill-irġiel hija miżura oħra maħsuba sabiex ittejjeb ir-rata ta’ fertilità ta’ pajjiżna u tagħti aktar serħan il-moħħ lill-koppji. L-introduzzjoni ta’ dan is-servizz sar bi tħejjija u koperazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati fejn kif propost mill-professjonisti, l-età eleġibbli niżlet minn 37 kif kien qed jiġi propost għal 34 kif ġie propost klinikament mill-professjonisti”.

Il-Gvern għadu kif lesta r-rinnovar tal-Art Clinic b’investiment ta’ €3.5 miljun u li dan sar biex mhux biss joffri servizz tal-aqwa kwalità, imma biex jespandi l-operat tiegħu u joffri aktar vantaġġi liċ-ċittadini.

L-iffriżar tal-bajd u sperma, huwa proċess li jiswa ħafna flus u li mhux kull persuna fil-bżonn issibu affordabbli. B’ekonomija b’saħħitha l-Gvern huwa kapaċi li joffri dan is-servizz b’xejn.

Kontra ta’ dak li qed isemmi Alex Borg, il-Gvern ilu jaħdem mas-settur privat f’dan il-qasam kull fejn kien meħtieġ. Dan wassal għal tama ġdida lil mijiet ta’ ġenituri ġodda, b’servizzi li se jibqgħu jiżdiedu kif sar b’din it-tħabbira ġdida.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tefa’ wkoll dubju fuq l-età ta’ bejn 18 u l-34 sena. Deċiżjoni bħal din ittieħdet wara li ttieħdu pariri ta’ diversi esperti. Fil-fatt l-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni jmur kontra x-xjenza nnifisha li tgħidlek li wieħed ikollu ċans akbar li jkollu t-tfal jekk din il-proċedura ssir f’età bikrija.

Filwaqt li l-Gvern jibqa’ kommess li jtejjeb is-servizzi mediċi kollha ta’ pajjiżna, żgur li mhux se tieħu lezzjonijiet mingħand l-Oppożizzjoni dwar dan is-suġġett.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li huwa favur din l-inizjattiva, ma jitlifx ċans wieħed biex isib kull skuża biex jitfa’ dubju fuq dan is-servizz. Din hi fuq kollox l-istess attitudni ta’ partit li vvota darba wara l-oħra kontra s-servizz tal-IVF u l-espansjoni tiegħu f’pajjiżna, inkluż Alex Borg innifsu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport