Friday, March 13, 2026

Il-PN m’għandux jibqa’ jkisser iktar nies

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista jinnota l-aħħar żviluppi dwar il-każ ta’ Daniel Attard, bl-awtoritajiet Belġjani jammettu li akkużaw intortament lill-Ewroparlamentari Laburista f’investigazzjoni li qed jagħmlu dwar il-każ Huawei.

Kulħadd jiftakar kemm il-Partit Nazzjonalista u l-forzi tad-dlam kienu qatgħu l-kundanna fil-konfront ta’ Daniel Attard, b’kattiverija u vendikazzjoni, meta l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Minflok jipponta subgħajh lejn ħaddieħor, il-Partit Nazzjonalista aħjar ma jibqax ikisser iktar nies u jagħmel assassinju tal-karattru kif issa drajna narawhom jagħmlu, mhux f’pajjiżna biss, iżda wkoll fil-fora Ewropej.

Huwa ta’ għajb li l-Partit Nazzjonalista jagħmilha ta’ judge and jury fil-konfront ta’ esponenti Laburisti, biex jipprova jiskurja xi punti politiċi basta jħammeġ lin-nies mal-ewwel okkażjoni li jkollu.

Dan l-episodju, bħal ħafna oħrajn, jixhed il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma jinbidel qatt, u jekk qatt jingħata l-fiduċja huwa evidenti li dan ser jipperpetwa kampanja ta’ vendikazzjonijiet kontra kull minn m’huwiex minn tal-klikka li ħakmitu.

Il-Partit Laburista jirrispetta l-ħidma tal-istituzzjonijiet, f’dan il-każ Ewropej, u fl-istess waqt jemmen fl-integrità tal-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard u jibqa’ jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta u tal-Maltin lil hinn minn xtutna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport