Friday, November 15, 2024

IL-PN PARTIT LI MA JITGĦALLEM QATT

Aqra wkoll

Kif għidna bosta drabi, il-Kap tal-PN Bernard Grech sar jiddiletta ħafna bil-protesti u d-dimostrazzjonijiet. Hekk reġa’ kien instigat jagħmel, jekk hux minn jeddu jew le ma nafux, li jerġa’ jniżżel il-partitarji li għad fadallu fi protesta quddiem il-bini tal-Parlament.

Hekk reġa’ għamel nhar it-Tnejn li għadda, wara li l-Ispeaker għattielet darba nfila, ċaħadlu t-talba biex il-Parlament jaġġorna biex jiddiskuti n-nuqqas tar-riżenja jew it-tkeċċija ta’ persuni li ssemmew fl-inkjesta tal-Magistrat Gabriella
Vella, li skont il-liġi dawn il-persuni huma preżunti innoċenti sakemm
misjuba ħatja.

Imma milli jidher, il-prinċipju tal-preżenzjoni tal-innoċenza ma jeżistix għan-Nazzjonalisti u jwarrbuh għalkollox sakemm dan ma jkunx jgħodd għalihom. Logħba perikoluża ħafna din. Imma dan l-atteġġjament tal-PN mhu sorpriża għal ħadd.

Il-PN huwa mdorri kif inawwar u jdawwar kollox biex iġib il-boċċa qrib il-likk li jaqbel lilu. Nhar it-Tnejn li għadda ġenwinament ittamajna li l-protesta kienet se tkun waħda ċivili u mingħajr tgħajjir. Ittamajna wkoll li d-diskorsi ma kinux se jkunu aggressivi kif ikunu tas-soltu.

Imma, li ttamajna dan kollu, anki meta nafu li l-protesti li jorganizza l-PN dejjem ikunu kkaratterizzati minn ton aggressiv u arroganti, għarralna għalkollox u
ttamajna għalxejn.

Ittamajna għalxejn għax dawk li kellu quddiemu Bernard Grech bdew jitgħajru bil-kliem ‘mafja’ u ‘ħallelin’. Iżda għal min kienu qed jirreferu ma nafux! Jekk hux għax kienu qed jiftakru f’meta f’daqqa waħda għosfru u ħadd ma jaf fejn
marru miljuni ta’ liri Maltin waqt li kien qed jinbena l-Isptar Mater Dei.

Flok 11-il sena ħa 17 biex tlesta. Forsi kienu qed jirreferu wkoll għal meta Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi kien ta waiver lil Skanska u ħelisha minn kull irbit u danni li setgħet issofri dwar kostruzzjoni ħażina u konkos inferjuri fil-bini ta’ Mater Dei?

Forsi wkoll, dawk li bdew jitgħajru kienu qed jiftakru fl-iskandlu taż-żejt u l-bini tal-Power Station tal-BWSC jew forsi f’dawk li żiedu lilhom infushom €600 fil-ġimgħa minn wara dahar il-poplu fl-istess waqt li ċ-ċittadini kienu immażżrati
b’kontijiet għoljin tal-elettriku u l-enerġija?

Forsi wkoll kienu qed jirreferu għal dak li gvern Nazzjonalista bla mistħija rregalalu kważi nofs miljun ewro f’kumpens wara li ġie sfiduċja mill-Parlament kollu? Forsi wkoll kienu qed jiftakru fil-mod ta’ kif kien ġie privatizzat il-Mid-Med Bank?

Min jaf, forsi għad ikollna tweġiba għal dawn l-iskandli kollha. Nagħmluha ċara li m’aħniex ngħidu dan kollu biex niġġustifikaw jew niskolpaw il-ħażin li seta’ sar
f’dawn l-aħħar snin, imma qed nagħmlu dan biex sempliċiment infakkru li l-PN huwa l-inqas wieħed li jista’ jitgħajjar jew li għandu xi kredenzjali li jitkellem kontra l-korruzzjoni u serq ta’ flus il-poplu.

Bħal donnu li l-PN ma tgħallem xejn mil-lezzjonijiet tal-istorja. Ma tgħallimx li l-poplu serenità u għaqda jrid u mhux tmaqdir, persekuzzjoni u vendetti politiċi. Ma tgħallimx lanqas li l-aqwa u l-akbar ġudikant huwa l-poplu li meta jasal il-mument jaf jagħmel il-kontijiet ma’ min ħaqqu u jaf jikkastiga lil min dejjem kien kontra l-interessi ta’ pajjiżna

Ekonomija

Sport