L-ewwel dibattitu bejn Adrian Delia u Alex Borg – iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista – wera b’mod ċar kemm il-PN illum huwa magħluq u kkontrollat minn ġewwa. Dan id-dibattitu, li sar biss wara li l-Kummissjoni tal-PN “ħalliet” li jsir, ġie preċedut minn embargo fuq kull forma ta’ komunikazzjoni mal-midja, b’mod partikolari ma’ dik indipendenti.
Deċiżjoni bħal din mhiex biss ta’ ħsara lill-kandidati nfushom, iżda hija wkoll ksur ta’ prinċipji demokratiċi bażiċi bħad-dritt għall-espressjoni u għall-informazzjoni. Il-kontroll eċċessiv li qiegħed jimponi l-PN mhuwiex sinjal ta’ bidla jew maturità politika, iżda rifless ta’ partit li għadu maqbud fil-passat.
Minflok ma juri trasparenza u fiduċja fil-membri tiegħu, għażel li jħalli kollox magħluq u ikkontrollat minn ġewwa. Dan wassal għal dibattitu artifiċjali, aktar simili għal arena organizzata, fejn kull kelma u pass kienu taħt kontroll sħiħ tal-partit innifsu.
Il-messaġġ għall-ġurnalisti u għall-midja mhux allinjati man-NET TV kien wieħed sempliċi iżda perikoluż: “Intom ma tgħoddux.” Meta partit fl-Oppożizzjoni li qiegħed jippretendi li huwa alternattiva serja għall-Gvern jagħlaq il-bibien tiegħu għall-ġurnaliżmu ħieles, il-poplu jifhem li l-għażla tiegħu mhiex bejn demokrazija jew kontroll, iżda bejn kontroll u aktar kontroll.
Mhux ta’ b’xejn li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iddeskriva dawn il-miżuri bħala “restrittivi” u “anti-demokratiċi”. Il-PN, flok jidħol f’djalogu miftuħ, għażel li jkun il-produttur, id-direttur u l-attur ewlieni ta’ spettaklu magħluq.
F’dan il-kuntest, nemmnu li hemm opportunità ċara għall-politika Maltija. Dik li juri bil-fatti li l-politika ma tridx tkun logħba magħluqa, iżda servizz trasparenti għall-poplu. Dibattiti miftuħa, aċċess għall-midja u rispett lejn il-ġurnalisti huma l-minimu li jixraq f’demokrazija serja.
Għax il-verità hija waħda: meta partit jagħlaq il-bibien tiegħu, ir-riskju huwa li jkun il-poplu stess li jagħlaq il-bibien quddiemu. Il-politika mhjjiiex kontroll iżda servizz pubbliku u hawnhekk il-PN falla fil-lezzjoni l-aktar fundamentali tal-politika fejn l-ewwel u qabel kollox trid tkun fuq in-naħa tal-poplu.
Kif jista’ PN f’din il-forma qatt jerbaħ lill-elettorat, jekk jibqa’ magħluq?