L-elezzjoni riċenti għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, li minnha ħareġ rebbieħ Alex Borg, hija waħda li tħalli ħafna mistoqsijiet miftuħa aktar milli tagħti tweġibiet ċari. Għalkemm Borg kiseb il-maġġoranza, il-fatt li d-differenza kienet minima jixhed biċ-ċar li l-qalba tat-tesserati Nazzjonalisti ma kinitx konvinta b’mod sod minn ebda wieħed miż-żewġ kandidati.
Il-fattur numeriku ma jistax jiġi injorat: bi ftit voti biss inqas, ir-riżultat seta’ kien differenti u l-istorja kienet tkun mod ieħor. Dan il-marġini ristrett ħafna jfisser li l-PN daħal f’kapitlu ġdid iżda mhux b’saħħa soda jew b’mandat ċar. Għall-kuntrarju, il-PN illum jidher iktar maqsum milli magħqud, b’żewġ fazzjonijiet li jħarsu lejn xulxin b’suspett u nuqqas ta’ fiduċja.
Il-messaġġ ewlieni li joħroġ minn din l-elezzjoni huwa li ħafna tesserati ma jarawx fil-PN mexxej li kapaċi jdaħħalhom lura fil-poter. Il-vot tagħhom kien kważi nofs bin-nofs. Ebda wieħed miż-żewġ kandidati ma kkonvinċew lit-tesserati f’viżjoni ċara biżżejjed. Nemmnu li din mhix biss problema ta’ persuni, imma ta’ direzzjoni. L-Oppożizzjoni ilha wisq tgħum bejn żewġ xmajjar: waħda li tħares lura lejn identità tradizzjonali konservattiva u l-oħra li tipprova toħroġ b’immaġni moderna u friska. S’issa, ma rnexxilux jagħmel sintesi bejn it-tnejn.
Alex Borg, bħala Kap il-ġdid, għandu quddiemu sfida liema bħalha. Jekk jaħseb li r-rebħa tiegħu hija ċertifikat ta’ fiduċja bla kundizzjoni, żbaljat. Huwa se jkollu jaħdem darbtejn aktar – mhux biss biex jikkonvinċi lill-elettorat Malti, iżda l-ewwel u qabel kollox biex jikkonvinċi lill-kamp tiegħu stess.
Il-PN illum jinsab f’salib it-toroq. Jekk jibqa’ maqsum, mhux biss ma jirbaħx elezzjoni ġenerali, imma jibqa’ partit fantażma. Jibqa’ partit bla direzzjoni. Il-poplu, li jixaqlu alternattiva possibbli għall-gvern, irid jara viżjoni ċara, mexxej li jispira u tim magħqud. S’issa, dawn fil-PN baqgħu nieqsa.
Il-voti juru realtà sempliċi iżda iebsa. Dik li l-PN għadu ma sabx il-paċi tiegħu stess u li t-tesserati tiegħu bagħtu messaġġ ta’ inċertezza. Alex Borg għandu l-opportunità, iżda wkoll ir-responsabbiltà kbira, li jdawwar din l-inċertezza f’kawża ta’ rinnovament. Jekk jonqos, ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni mhux se jkun rebħa, iżda episodju ieħor ta’ partit maqsum, mitluf u bla identità.