Il-PN ma rnexxilux fit-tentattiv tiegħu li jara lill-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat jiġi sospiż mill-Parlament.
Kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li ressaq din it-talba quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika hekk kif dan kompla jiddiskuti r-rapport li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler għamel dwar il-każ tal-flixkun inbid li n-negozjant Yorgen Fenech ta lil Muscat.
Minbarra Dr Aquilina u l-Ispeaker Anġlu Farrugia, li jmexxi dan il-kumitat, fil-laqgħa kienu preżenti wkoll għan-naħa tal-Oppożizzjoni Carmelo Mifsud Bonnici mentri għan-naħa tal-Gvern kien hemm il-ministri Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri.
Muscat kiteb ittra lill-imsemmi kumitat fejn baqa’ jinsisti mar-reazjoni li kien ta wara li Dr Hyzer ippreżenta r-rapport tiegħu u sostna li huwa ntalab mis-Servizz Sigriet jżomm l-istess kuntatt ma’ Fenech biex dan ma jissuspettax li seta kien qed jiġi investigat.
L-Avukat Aquilina nsista li Muscat jew jitlob apoloġija fil-Parlament inkella jekk ma jagħmilx hekk ikun sospiż mill-Parlament għal sebat ijiem.
L-Avukat Mifsud Bonnici għamilha ċara li huwa ma riedx li jagħmluha tal-argużin ma’ Muscat u sostna li kien jippreferi li Muscat jidher quddiem il-kumitat.
Min-naħa tagħhom iż-żewġ membri tal-Gvern insistew li l-każ kien eżawrit u li kien qed jiġi mkabbar iktar milli fil-fatt kien.
Fl-aħħar iż-żewġ naħat u l-Ispeaker Farrugia qablu li jqisu l-ittra ta’ Muscat bħala waħda li fiha kien qed jerfa’ ir-responsabbilta u li kien qed jagħmel apoloġija. Il-każ kien ukoll dikjarat bħala wieħed magħluq.