L-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista fejn fil-jiem li għaddew Bernard Grech f’xandira lin-nazzjon ħabbar li kien se jirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, iddominaw id-diskussjoni pubblika. Immedjatament wara r-riżenja bdew spekulazzjonijiet dwar min jistgħu jkunu l-kandidati li jitfgħu n-nomina għall-elezzjoni ta’ Kap. IT-TORĊA talbet il-kummenti ta’ żewġ eks Prim Ministri u Mexxejja tal-Partit Laburista, Dr Alfred Sant u Dr Joseph Muscat dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista. B’mod immedjat wara r-riżenja ta’ Bernard Grech, fil-Partit Nazzjonalista mill-ewwel reġgħu feġġew il-qasmiet li ilhom jifnu lil dan il-Partit issa ammont ta’ snin, flimkien mal-fatt li dan l-istess Partit Nazzjonalista mil-lat politiku għadu nieqes minn proġett politiku li fuqu jinbena l-mandat.
L-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, meta kkuntattjat minn IT-TORĊA qalilna li “dak li jiddistingwi partit politiku minn organizazzjoni mhux governattiva hija li tal-ewwel irid jipprovdi programm wiesgħa ta’ Gvern filwaqt li għaqda non governattiva tappella lil settur partikolari jew tiffoka fuq qasam partikolari biss.”
Enfasizza li “f’diversi pajjiżi rajna l-fenomenu fejn għaqda non governattiva (NGO) issir partit. Iżda biex għamlu hekk kellhom iwessgħu l-appell tagħhom. Nieħdu l-Ħodor fil-Ġermanja (li ħarġu mill-qasam ambjentali), il-Pirati f’pajjiżi Baltici (li kienu pressure group ibbażat fuq id-drittijiet online), u 5 Stelle fl-Italja (li kienu moviment ta’ protesta). Kif għamlu hekk kollha tilfu mill-appell tagħhom għax ir-realtà ta partit li jappella għal ħafna mhux għal ftit twassal għall-kunflitt mal-interess waħdieni tal-ftit. Matul is-snin dan l-attentat sar f’Malta ukoll fejn NGOs jew pressure groups ipprovaw jsiru partiti. Bla dubju l-aktar NGO ta’ suċċess li qatt kellna f’pajjiżna kienet l-Alternattiva minn tmiem it-tmeninijiet.
Xorta kif messet mal-politika usa, żvintat. L-attentati riċenti juru li minkejja ħafna ħsejjes f’mezzi tax-xandir maqtugħa mir-realtà, huma destinati għall-istess xorti.”
Kompla jgħid li “fl-aħħar snin f’Malta iżda rajna fenomenu ukoll fid-direzzjoni opposta, li nistqarr li ma’ seta’ jiġini l-ebda xebħ għalih. Kellna partit politiku, il-Partit Nazzjonalista, li fl-aħħar 10 snin naqqas l-appell tiegħu u s-suġġetti li fuqhom jiffoka b’mod li sar jixbaħ aktar lil NGO. Ma jfissirx li s-suġġetti li beda jiffoka dwarhom, l-aktar governanza u f’livell anqas l-ambjent, ma kinux importanti. Iżda beda jdoqq nota waħda biss.
L-aqwa pjanu tad-dinja, bl-aqwa mużiċist, mhu se jappella lil ħadd jekk jibqa’ jdoqq l-istess nota. Tista’ mhux tbiddel il-pjanu. Tista’ mhux tbiddel il-mużiċist. Hemm bżonn bidla aktar fundamentali. Nieħdu l-eżempju ta’ knisja u kappella. Fil-kappella aktarx taf lil ta’ ħdejk u dejjem tara l-istess nies. Taf lil qassis u aktarx jogħġbok kif jippriedka. Tmur għax idum ftit jew itawwal ħafna. Ħadd mhu se jgerger x’ jiġri fil-kappella Iżda l-kappella, kappella se tibqa’”.
Dr Muscat kompla jgħidilna li “Knisja hija akbar, daqqa aktar u daqqa anqas mimlija. Ma tafx ħdejn min se tinzerta. Ġieli ħdejk jiġi jintrass xi ħadd mimli għaraq, oħra bil-mowbajl jagħti, quddiemek tifel m’ għandux kwiet. Jieħdu b’idejn xulxin fil-paċi, anki jekk ma jaqblux ma ta’ ħdejhom. Il-qassis ma jkunx dejjem l-istess u meta jinżerta wieħed itawwal ħafna jibdew iħarsu lejn l-arloġġ filwaqt li oħrajn jitkażaw bit-tgergir. Hemm min jagħżel dik il-knisja għax qribu, ħaddiehor għax ħin tajjeb, u min anki għax parking aktar komdu. Iżda fl-aħħar mill-aħħar kollha jidħlu fl-istess knisja. Partit politiku jrid ikun knisja u m’għandux il-kumdità ta’ NGO li jkun kappella. Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar 10 snin biddel 4 mużiċisti iżda baqa’ jdoqq l-istess nota, allavolja biex ngħidu kollox jista’ jkun kien hemm minn ma ħallihx idoqq aktar lanqas. Għalhekk minn knisja sar kappella u hekk jibqa’ jekk mhux lest jisma’, jitkellem jew tal-inqas jieħu b’idejn in-nies, anki dawk li ma jaqbilx magħhom.”
“Għadhom jemmnu li għandhom xi dritt awtomatiku u sagrosant biex ikunu huma l-mexxejja tal-pajjiż”
– l-eks Prim Ministru Dr. Alfred Sant
L-eks Prim Ministru u l-eks Mexxej Laburista, Dr Alfred Sant, meta kkummenta ma’ IT-TORĊA dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista wara ir-riżenja ta’ Bernard Grech minn Kap, qalilna li “bħala partit fl-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista għandu l-problema massiċċa quddiemu li anke wara s-snin li ilu fl-Oppożizzjoni, għadu bla proġett politiku serju għalih bħala partit u għat-tmexxija tal-pajjiż.
Ħafna mill-protagonisti tiegħu donnhom għadhom jemmnu li għandhom xi dritt (“entitlement”) awtomatiku u sagrosant biex ikunu huma l-mexxejja tal-pajjiż, ħaġa li saret tnaffar lil ħafna. Sa llum, donnu li l-Partit Nazzjonalista għadu jqis il-ħtieġa ta’ mexxej f’termini ta’ salvatur li bil-ħila u l-popolarità personali se jgħaqqad warajh jew warajha lis-segwaċi tal-partit u mbagħad lill-maġġoranza tal-eletturi.”
Dr. Alfred Sant qal li “kollox jista’ jiġri fil-ħajja politika, imma nissuspetta li l-partit fl-Oppożizzjoni, jekk qed jemmen hekk, qed jittama wisq fl-impossibbli. Biex jirnexxi fiż-żmien qasir li baqa’ qabel l-elezzjoni li jmiss, il-mexxej eventwali jeħtieġ jew teħtieġ proposta ta’ proġett politiku li fuqu jinbena l-mandat tiegħu tagħha.
Dwar mandat bħal dan, sa issa ma smajna xejn. Hu tassew indikattiv il-fatt li kemm ilhom fl-Oppożizzjoni, tal-PN ma għamlu l-ebda sforz biex joħolqu xi abbozz ta’ politika ġenerali aġġornata għat-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż. L-apoloġisti tagħhom qed ikollhom jirirkorru, biex ifissru l-għanijiet tal-Partit Nazzjonalista , għal manifesti mħejjija mal-40 jew 20 sena ilu!”.
Enfasizza li “mhux ta’ b’xejn li l-firdiet bejn iż-żewġ tendenzi ideoloġiċi fosthom — il-konservattiv u l-liberali — baqgħu qawwija u imtennija fi ħdan il-partit, waqt li kkonkretizzaw ruħhom f’kuntrasti personalizzati. Talanqas, battew pubblikament fl-aħħar snin. Sadattant, is-suċċess ekonomiku li qed jikseb il-gvern Laburista, minkejja l-problema ta’ governanza u xi problemi oħrajn li qed iġorr, baqgħu jagħtuh vantaġġ sostanzjali mal-elettorat. Min se jkun qed imexxi jew tmexxi l-Partit Nazzonalista fiż-żmien li ġej, se jkollu jiffaċċja muntanja vertikali.”