Wednesday, November 13, 2024

IL-PN SE JIRNEXXILU JIĠĠEDDED?

Aqra wkoll

Fi ftit jiem oħra il-Partit Nazzjonalista se jeleġġi Viċi-Kap ġdid, kariga li hija t-tieni l-ogħla fil-partit wara dik tal-kap. L-uniku interess li ntwera f’din il-kariga kien dak ta’ Dr Alex Perici Calasione li sa sena ilu kien il-President tal-Kumitat Eżekuttiv, b’hekk allura dan se jinżel għat-tellieqa waħdu.

Il-fenomenu illi għal ħatra f’xi kariga, inkluż dik għall-kap, jikkontesta wieħed waħdu biss mhuwiex ġdid jew rari fil-Partit Nazzjonalista. Il-Kap attwali Bernard Grech u anki Dr Lawrrence Gonzi kienu tellqu waħedhom fit-tiġrija għal kariga ta’ kap anki jekk it-tnejn li huma tilfu bil-kbir fl-elezzjoni ġenerali.

Bla dubju imma, u la darba l-Kummissjoni Kandidati tal-PN sabet lil Dr Perici Calasione idoneu sabiex jikkontesta, u la darba se jtellaq din it-tiġrija waħdu m’hemmx dubju li Viċi Kap se jkun hu. Kulma jonqos li jsir issa hu biss li Perici Calasione ikun konfermat mill-kunsillieri tal-partit.

U hawn propju joħorġu għadd ta’ mistoqsijiet. X’kien li wassal biex Perici Calasione dam biex jitfa n-nomina tiegħu u ħalla kważi għall-aħħar jum qabel għalqu n-nominazzjonijiet? X’kien li ħadd mid-deputati parlamentari ma wera nitfa interess f’din it-tieni u l-ogħla kariga fil-PN? Ukoll, x’sar minnu l-provvediment illi t-tesserati jkollhom vuċi fl-għażla u l-ħatriet amministrattivi fil-PN?

Għandna għalxiex nifhmu illi għalkemm jidher li kollox qed isir sew u skont l-istatut, din id-darba wkoll, anki bl-iskuża tal-istess statut, it-tesserati li huma s-sostenituri tal-partit, se jerġgħu jkunu injorati u allura l-fehma tagħhom irrendiet ma tiswiex karlin. Donnu li l-PN ma jridx jitgħallem x’inhi l-vera demokrazija.

Għalhekk u bir-raġun kollu nemmnu li la l-Partit u wisq inqas il-Gvern Laburista ma jiħdux lezzjonijiet mill-PN dwar demokrazija vera u governanza tajba. Għax jekk il-PN ma hux kapaċi japplika dawn il-prinċipji internament, fi ħdanu stess, kif jista imbagħad japplikahom jekk xi darba l-poplu jerġa’ jafdah bit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.

Għalkemm diġà nafu x’ħobż jiekol Dr Perici Calasione, b’danakollu nawgurawlu li wara li jinħatar ikollu l-ħila jirranġa fejn s’issa naqas li jirranġa l-Kap Bernard Grech. Nittamaw ukoll li jirnexxielu jwarrab u jtemm darba għal dejjem l-attiduni tal-Le nazzjonalista għal kulma jagħmel il-Gvern Laburista. Nistennew ukoll li bħala Viċi Kap Perici Calasione jieqaf kontra kull attitudni ta’ arroganza li toħroġ minn fomm diversi mid-deputati nazzjonalisti, ġodda u mhumiex, waqt diskorsi li jagħmlu fil-parlament.

U għax fin-nofs hemm il-ġejjieni u t-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna, ninsabu konvinti li jekk il-PN jibqa’ fil-vija negattiva li ilu snin twal imkaħħal fiha, kap wara kap u elezzjoni ġenerali waħda wara l-oħra, mhux biss ma jkunx jistħoqqlu l-fiduċja tal-poplu imma lanqas ikun jixraqlu l-vot biex ikun il-partit fl-oppożizzjoni.

Ekonomija

Sport