Wara t-tħabbira u l-konferma tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li għadda u t-telfa kbira, jekk mhux l-ikbar fl-istorja, li reġa’ ġarrab il-Partit Nazzjonalista, ħafna kienu qed jittamaw li l-PN f’din il-leġislatura ġdida kien se jieħu t-tagħlima u se jkun kostruttiv u jmur lill hinn mill-atteġġjament negattiv li adotta fis-snin riċenti. Atteġġjament li flok għaqqad, kompla kattar il-firda fost dan il-poplu ċkejken imma sovran.
Sfortunatament iżda l-ottimiżmu għal oppożizzjoni parlamentari denja sfuma fix-xejn u t-tama li l-PN inbidel għall-aħjar taret mar-riħ. Dan wrewh ċar diversi deputati nazzjonalisti mal-ewwel okkażjoni li ġiethom, f’diskorsi li għamlu fil-Parlament, bi tweġiba għad-diskors tal-President ta’ Malta.
Filwaqt li stajna ninnutaw li xi wħud mid-Deputati Nazzjonalisti kienu moderati fi kliemhom, oħrajn, fosthom ġodda u mhumiex, donnhom komplew iġorru magħhom il-bandiera tan-negattiviżmu biex ma ngħidux ukoll imġiba ta’ tgħajjir. Din l-imġiba u atteġjament iżda ma kienu ta’ ebda sorpriża għal ħadd għax lil min tafu tistaqsix għalih.
Issa, il-jiem li ġejjin se jkunu kruċjali għal PN bħala partit u bħala Oppożizzjoni parlamentari għall-pajjiż. Fil-jiem li ġejjin il-Kunsilliera Nazzjonalisti se jkunu msejħin biex jivvutaw għall-ħatra għal Kap għaliex safejn hu magħruf, l-istatut tal-PN jesiġi li wara elezzjoni telliefa, il-partit irid isejjaħ elezzjoni għal kap.
Ma hemmx dubju li l-kap attwali Bernard Grech se jkun konfermat fil-kariga anki jekk taħt it-tmexxija tiegħu l-PN kiseb l-ikbar telfa elettorali. Se jkun konfermat għaliex f’din it-tellieqa Bernard Grech se jtellaq waħdu u l-Kunsilliera mhux se jkollhom għażla. Mhux hekk biss imma se jkunu mħeġġa jikkonfermaw lil Bernard Grech b’mandat b’saħħtu bħala kap.
F’din it-tellieqa, li mhi tellieqa xejn, wieħed għad irid jara kif se tkun imfassla u magħmula l-mistoqsija li se titpoġġa fuq il-karta tal-vot. Wieħed għad irid jara wkoll jekk Bernard Grech jingħatax il-mandat li qed jitlob u jistenna mingħand il-Kunsillieri Nazzjonalisti.
Forsi f’dan il-waqt, il-PN jista jħossu sfortunat li se jkollu jagħmel il-votazzjoni għal kap f’atmosfera ta’ inkwiet u diżgwid intern u f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ dejn akkumulattiv li jingħad li jlaħħaq it-32 miljun ewro.
M’hemmx dubju li Bernard Grech se jkun konfermat kap tal-partit u għalhekk, aħna nawguraw li l-PN jibda jintebaħ li l-politika negattiva m’hemmx post għaliha aktar fiż-żminijiet tal-lum. Nawguraw ukoll li PN iwarrab ir-retorika tal-le u tal-attakki fuq il-persuna li ilu mkeffen fihom għal snin twal u jibda era ġdida f’ġieħ id-demokrazija u l-għaqda nazzjonali kif jixraqlu u jinħtieġ dan il-pajjiż.