Sunday, March 15, 2026

Il-PN tilef kull kredibilità… jattakkaw biex iwerwru lin-nies imma jispiċċaw jisparaw f’saqajhom stess

– l-MPE Daniel Attard

Aqra wkoll

“Għal min kont qed tgħid mhux se tkissruni?”. Hekk kien ġie mistoqsi il-Parlamentari Ewropew Daniel Attard. “Illum nista’ nwieġeb”, jiddikjara Daniel Attard.  “Kont qed nirreferi għall-Partit Nazzjonalista u għall-alleati tiegħu, dawk li għal xhur sħaħ  kaxkru ismi fil-ħmieġ b’allegazzjonijiet li ma kellhom ebda bażi ta’ evidenza. Illum se nitkellem dwar skandlu veru ta’ kif il-Partit Nazzjonalista u l-alleati tiegħu ikunu lesti li jattakkawk u jitfgħu dell fuqek u jagħmlu ħsara anki jekk ma jkollhom xejn f’idejhom. Fl-aħħar xhur ġejt mgħajjar korrott, qaluli li rqevjet it-tixħin u x’ma qalux. Illum nafu li kienu akkużi bla bażi. Il-ħsara tkun saret”.  

Hu qal dan wara li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan ammetta li Membru tal-Parlament Ewropew ġie akkużat b’mod żbaljat li allegatament irċieva pagamenti miċ-Ċina bħala parti minn investigazzjoni li tinvolvi lill-kumpanija Huawei, u dan wara li tfixklu l-identità tiegħu ma’ dik ta’ negozjant ieħor bl-istess isem. Il-Pulizija Belġjana akkużat b’mod żbaljat lill-MEP Malti Daniel Attard li allegatament irċieva ammonti “suspettużi” ta’ flus minn kontijiet bankarji fiċ-Ċina u Hong Kong. 

Daniel Attard tenna li “l-liġijiet tal-libell iddgħajfu ħafna fl-aħħar snin. Ġejna f’sitwazzjoni fejn kulħadd jgħid li jrid u se nkun qed insemma’ leħni biex dawn jinbidlu. Mhux b’vendetta imma biex issir ġustizzja u biex tieqaf il-kultura li kulħadd ifajjar bl-addoċċ għax wara kull politiku hemm persuna u hemm familja. Ħadd ma ħaqqu jgħaddu minn martirju għal xejn. Il-libertà tal-kelma hi fundamentali imma daqstant ieħor ir-responsabbilità li ġġib magħha. Hemm min ma jfittix u ma jinteressahx mill-verità.  Hemm mod ieħor abbużiv kif issir il-ħsara. Il-manipulazzjoni. Meta jinkitbu affarijiet biex jiżirgħu id-dubju u jpinġuk f’dawl ikrah imma jimxu mal-linja ta’ dak li hu legalment permess bl-intenzjoni ċara li jtappnu r-reputazzjoni. U imbagħad jgħidulek il-qasba ma ċċaqqaqx għalxejn u tispiċċa tiddefendi ruħek minn xi ġapa li ma tkunx għamilt.”

Jenfasizza li “f’dan il-pajjiż għandna ġurnalisti serji u nirrispettahom. Hemm ġurnaliżmu ieħor, dak merċenarju. Li ma jfittix il-verità. Imma jfittex il-‘clicks’, il-ħsara u l-iskandlu. Kitba li llum ħafna nies jaraw ir-ritratt u t-titli u jieqfu hemm. Dan mhux ġurnaliżmu iżda prostituzzjoni intellettwali. Jien qatt ma ddejjaqt nitkellem fuq is-sewwa. 

Qatt ma bżajt niddefendi l-Partit Laburista fis-siegħa tal-prova. Qatt ma bżajt niddefendi lil Jospeh Muscat kontra l-estermiżmu u kontra l-persekuzzjoni politika. Qatt ma bżajt niddefendi lil Malta tagħna u żgur li mhux se nibża’ issa mill-Partit Nazzjonalista. Partit li llum tilef kull kredibilità u flimkien mal-alleati tiegħu jippruvaw jisparaw biex iwerwru lin-nies iżda imbagħad jispiċċaw jisparaw f’saqajhom stess. Naf li m’iniex waħdi. Miegħi hemm ħafna oħrajn, politiċi u nies oħra li ffaċċjaw din il-mibegħda u oħrajn għadhom għaddejjin minnha. Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd…is-sewwa jirbaħ żgur”, itemm jgħid Daniel Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport