Thursday, November 21, 2024

Il-PN u l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti

Aqra wkoll

Ma jidhirx li l-Partit Nazzjonalista qiegħed b’xi mod jikkontesta l-akkużi li issa ilhom isirulu li qiegħed jikser il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Lanqas ma jidhirli li qed jikkontesta li ilu tliet snin ma jissottometti rapporti awditjati dwar il-kontijiet tiegħu bil-mod kif titlob il-liġi. Lanqas ma qiegħed jikkontesta li ilu sentejn ma jissottometti rapport awditjat tad-donazzjonijiet li qiegħed jirċievi.

Konferma li m’hemmx tali kontestazzjonijiet min-naħa tal-Partit Nazzjonalista toħroġ mill-fatt li l-Partit Nazzjonalista nnifsu kien talab lill-Kummissjoni Elettorali, li lilha huwa obbligat bil-liġi jissottometti tali rapporti awditjati, biex jingħata estensjoni ta’ żmien għal tali sottomissjonijiet. Il-Kummissjoni Elettorali laqgħet din it-talba.

Kellhiex il-Kummissjoni Elettorali tilqa’ talbiet bħal dawn hija ħaġa oħra. Imma wieħed jista’ jimmaġina xi storbju kien isir kieku l-Kummissjoni Elettorali ma lagħqetx dawn it-talbiet. Kemm kien jixxerred dmugħ tal-kukkudrilli li dan sar biex il-partit tal-Oppożizzjoni jixxekkel f’ħidmietu.

Lura għall-fatti attwali. Il-Partit Nazzjonalista, almenu sakemm qed nikteb, għadu ma ssottomettix lill-Kummissjoni Elettorali l-kontijiet awditjati għas-snin 2021, 2022 u 2023. Lanqas ma ssottometta rapporti awditjati tad-donazzjonijiet għas-snin 2022 u 2023. Dan kollu bi ksur tal-liġi.

Jista’ jinġieb l-argument li l-Partit Nazzjonalista ‘ammetta’ ħtijietu f’dan ir-rigward billi talab estensjoni. Li kieku ma kienx qed jammetti din il-ħtija ma kienx jitlob estensjoni. Ma naħsibx li tali konklużjoni ma tirriflettix l-attwalità. Li donnu mhux qiegħed ikun ikkunsidrat kif jixraq huwa l-fatt li hawn mhux qegħdin nitrattaw ‘dewmien’ ta’ ftit ġimgħat, imma dewmien ta’ snin.

Mhux se nidħol fir-raġunijiet li l-Kap Nazzjonalista ressaq ‘il quddiem mal-mezzi tax-xandir għal tali sitwazzjoni. Raġunijiet li, bir-rispett kollu lejn kulħadd, joffendu l-intelliġenza ta’ kulħadd. Ma naħsibx li tista’ tiddeskrivi b’mod ieħor ir-raġunijiet li ġab il-Kap Nazzjonalista.

Raġunijiet li joffendu l-intelliġenza ta’ kulħadd għax ma naħsibx li hawn xi ħadd, imqar wieħed/waħda, li jemmen li l-Partit Nazzjonalista ma setax isib awdituri! Apparti li l-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma qal għala l-awdituri li kellu waqfu, jew twaqqfu, milli jkomplu jagħtuh servizz, ma jaħsibx il-Partit Nazzjonalista li raġuni bħal din ma tfisser xejn għajr dell ikrah immens fuqu stess?

Kien hemm ukoll kemxejn ta’ konfużjoni fejn jirrigwarda l-awdituri. Konfużjoni li ħoloq l-istess Kap Nazzjonalista għax daqqa jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma setax isib awdituri u mbagħad jgħid li nbidel l-awditur. Kellu jew ma kellux awditur? U jekk kellu għaliex ma ssottomettix il-kontijiet u r-rapporti awditjati? U jekk kellu awdituri u nbidlu għaliex inbidlu? L-awdituri ma riedux ikomplu ħidmiethom? Jekk ma riedux ikomplu ħidmiethom, għaliex? Jekk kien il-Partit Nazzjonalista li waqqaf lill-awdituri oriġinali u bidilhom għaliex wasal għal deċiżjoni bħal din?

Ma nagħmlux mod li l-awdituri riedu jimxu bil-mod professjonali mistenni minnhom u dan ma kienx se jinżel tajjeb mal-Partit Nazzjonalista u eventwalment kien se jinħoloq l-inkwiet mal-Kummissjoni Elettorali u allura twaqqfu? Qiegħed biss nistaqsi għax is-sitwazzjoni twasslek biss biex titħasseb.
Dan iwassalni għall-fatt li ftit tax-xhur ilu, Dr Daniel Attard, illum Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista, u Dr Maria Sarah Vella Gafà, li kienet ikkontestat l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda, kienu ppreżentaw rikors ġudizzjarju f’dan in-nuqqas min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.

X’irriżulta minn dan? U għaliex kellhom ikunu żewġ ċittadini li jieħdu dan il-pass u mhux xi Awtorità? X’se jkun il-pass li jmiss u meta se jittieħed? Titubar bħal dan iwassal għal konklużjoni waħda: ma jidhirx li l-liġi hija l-istess għal kulħadd. Jekk din tiegħi hija konklużjoni żbaljata allura napprezza li niġi korrett.

[email protected]

Il-Monument tar-Repubblika fi Triq Diċembru 13

Fit-13 ta’ Diċembru li ġej niċċelebraw il-50 sena minn meta pajjiżna nqata’ kompletament mill-monarkija Ingliża u ddikjara lilu nnifsu Repubblika. Kapitlu mill-isbaħ fl-istorja ta’ pajjiżna. Tħabbar li tfassal programm estensiv ta’ attivitajiet biex jitfakkar dan l-avveniment storiku li kompla ta identità distinta lil pajjiżna.

Sas-sena 1971, minkejja li konna ilna diġà seba’ snin indipendenti, konna għadna marbutin mal-monarkija Ingliża, bi Gvernatur Ingliż bħala Kap tal-iStat. L-ewwel pass li kien ittieħed minn Gvern Laburista mmexxi mill-Perit Dom Mintoff kien li l-Gvernatur għandu jkun Malti. U hekk sar, b’Sir Anthony Mamo jsir l-ewwel Gvernatur Malti. Il-ħidma biex pajjiżna jsir Repubblika bdiet b’mod immedjat u tliet snin wara, 13 ta’ Diċembru 1974, il-ħolma ta’ Mintoff saret realtà, b’Sir Anthony Mamo jinħatar bħala l-ewwel President ta’ Malta Repubblika.

Kif kien sewwa u xieraq kien sar monument biex ifakkar din il-ġrajja. Jinsab fi Triq Diċembru 13 – Jum ir-Repubblika – fil-Marsa. Monument fil-ġebla Maltija li jirrappreżenta l-ewwel emblema tar-Repubblika. Minn dakinhar ‘il hawn sar tibdil fl-emblema ta’ Malta Repubblika għal dik li hi llum.

Qarrej ta’ din il-paġna rrimarkali li sfortunatament dan il-monument mhux miżmum kif jixraqlu. Issuġġerili niġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati għal dan in-nuqqas, aktar u aktar fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn din il-ġrajja.

Naħseb li dan il-qarrej għandu raġun. Ikun xieraq li fil-ftit ġimgħat li fadal biex ikun ċelebrat il-50 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika jsir ix-xogħol meħtieġ ta’ manutenzjoni.

Sport