Thursday, April 25, 2024

IL-POLITIĊI U L-‘BIG BUSINESS’

Aqra wkoll

Forsi għax Malta pajjiż żgħir, u forsi għax aħna Mediterranji, imma storikament il-politiċi Maltin dejjem kellhom relazzjoni mill-qrib mal-komunità tan-negozjanti. Huwa ċar li għalkemm irid ikun hemm relazzjoni tajba mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem, irid ukoll ikun hemm regolazzjoni ta’ kif politiku jġib ruħu ma’ ċertu negozjanti li għandhom ċertu saħħa. Dan il-bżonn jiġi aktar urġenti meta wieħed iqis id-daqs ta’ dan il-pajjiż, fejn kulħadd jaf lil kulħadd. 

Madanakollu, għalkemm l-istorja u l-ġeografija tagħna hi dak li hi, xorta waħda għandna nħarsu l’quddiem u nimxu lejn standards għola; inkella nispiċċaw b’tiġrija l-isfel li żgur ma tagħmel ġid lil ħadd. Minflok inqabblu dak li jiġri llum ma dak li kien jiġri ilbieraħ, dejjem aħjar li nħarsu l’qudiem, u li naraw kif nistgħu inbiddlu u naġġornaw biex jekk jista’ jkun, għada jkun aħjar mil-lum.

Fl-aħħar mill-aħħar, jekk hemm xi ħaġa li lilhi ddejjaqni, huwa li t-trab issib min jipprova jpenġieħ bħala dqiq. Dan m’għandu qatt ikun il-każ f’pajjiż li jrid ikun fost l-aktar avvanzati.

Il-Kampanji individwali

Meta nitkellmu fuq l-influwenza li jista’ jkollhu negozjant fuq politiku, indubjament li l-influwenza tiġi mill-fatt li dan jista’ jgħin lil politiku bil-kampanja tiegħu jew tagħha, umbagħad jitlob l-għajnuna meta dawn jiġu eletti. Forsi ssib min jgħidlek li f’dan ir-rigward diġà hemm il-liġi tal-finanzjament tal-partiti li suppost tapplika b’limiti ta’ kemm persuna tista’ tgħin lil Partit u kandidat.

Biss pero’, din il-liġi ma tindirizzax punt effettiv: in-natura legali tal-kampanja innfisha. Barra minn xtutna, il-kampanja ta’ kandidat tkun reġistrata bħala organizzazzjoni għaliha. Organizzazzjoni li tista’ timpjega n-nies, tagħmel avvenimenti li minnhom taqla l-flus, u tieħu donazzjonijiet b’limiti imposti mill-liġi. Nemmen li f’ġieħ it-trasparenza, l-istess li hemm bżonn isir f’pajjiżna.

Mhux problema li kandidat jagħmel il-coffee mornings u l-buffet dinners; anke jekk dawn irendu profit. Dak il-profit jista’ mbagħad jintuża biex jimpjega nies mal-kampanja innifisha, jew inkella biex jiffinanzja attivitjiet oħrajn. Hekk jew b’hekk, dejjem aħjar li wieħed ikun iffinazjat m’għand il-ħafna permezz ta’ attivitajiet li jtella’, milli m’għand nies b’ċertu saħħa li wara li politiku jikseb il-poter, jiġu biex jiġbru d-dividenti fuq l-investiment tagħhom.

Sport