Friday, July 18, 2025

Il-politika ekonomika u t-tmexxija strateġika ta’ Malta qed iħallu riżultati b’saħħithom fil-qasam tal-Innovazzjoni

Aqra wkoll

Il-prestazzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-Innovazzjoni rat titjib qawwi matul is-seba’ snin li għaddew, prova ċara li l-istrateġija ekonomika fit-tul tal-Gvern qed tagħti l-frott mixtieq. Skont l-aħħar European Innovation Scoreboard (EIS), Malta żiedet b’+16.7 punti fl-iscore ġenerali tal-innovazzjoni mill-2018 lil hawn – wieħed mill-akbar titjib reġistrati fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2024, Malta rreġistrat ukoll żieda ta’ +7.6 punti fuq bażi annwali – l-ogħla qabża fost l-Istati Membri kollha. B’dan ir-riżultat pajjiżna għeleb lil pajjiżi bħall-Islovenja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Italja, u issa jinsab fil-quċċata tal-kategorija “Innovaturi Moderati”.

Titjib f’kull qasam

It-titjib li kisbet Malta huwa frott ħidma konsistenti fuq diversi pilastri ewlenin tal-innovazzjoni:

  • Edukazzjoni u talent – Żieda fil-gradwati, ħiliet fl-iSTEM, u tagħlim tul il-ħajja.
  • Diġitalizzazzjoni – Użu mifrux tal-cloud, AI u konnettività b’veloċità għolja.
  • Innovazzjoni ekoloġika – parteċipazzjoni dejjem akbar ta’ teknoloġiji ta’ enerġija effiċjenti u soluzzjonijiet sostenibbli.
  • Proprjetà intellettwali – Żieda kostanti fit-trademarks, disinji u esportazzjoni ta’ servizzi diġitali.

Dawn ix-xejriet huma konformi mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi r-reżiljenza, it-tmexxija diġitali u ħaddiema mħejjija għall-futur bħala prijoritajiet ewlenin.

Nindirizzaw in-nuqqasijiet tal-passat: Venture capital u appoġġ lill-istartups

Storikament, Malta kellha nuqqas fl-aspett tal-finanzjament u l-appoġġ, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ venture capital. Għaldaqstant, is-sena li għaddiet il-Gvern nieda fond pubbliku ta’ €10 miljun għall-investiment flimkien ma’ kapital privat fl-2024. Il-fond:

  • Iqabbel il-kapital privat pari passu sa massimu ta’ €500,000 għal kull startup.
  • Diġà appoġġja numru ta’ intrapriżi Maltin b’rata għolja ta’ tkabbir.
  • Jattira fondi privati filwaqt li jipprovdi investiment inizjali għall-kumpaniji ġodda.

Din l-inizjattiva tissokta flimkien ma’ numru usa’ ta’ miżuri u skemi:

  • Malta Enterprise toffri l-iskema ta’ Finanzjament għall-istartups (sa €1.5 miljun kull kumpanija).
  • Seed Investment Scheme (35% krediti ta’ taxxa lill-investituri).
  • Inċentivi għall-parteċipazzjoni fi programmi ta’ accelerators.
  • Il-Programm Pathfinder tal-MDIA jiffinanzja startups fuq R&D f’teknoloġiji avvanzati.
  • DihubMT jopera bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Innovazzjoni Diġitali, jgħin lill-SMEs u startups jadottaw teknoloġiji bħall-AI, IoT u blockchain.

Ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda

Wieħed mill-fatturi prinċipali għat-titjib fl-innovazzjoni huwa l-impenn ta’ Malta biex toħloq setturi ekonomiċi ġodda u ta’ valur għoli, fosthom:

  • Servizzi relatati mal-blockchain u assi finanzjarji diġitali, sostnuti mill-ewwel qafas leġiżlattiv komprensiv għad-DLT fl-Ewropa.
  • Intrapriżi bbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u data economy ventures, appoġġjati minn infrastruttura nazzjonali soda u l-istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
  • Video Game Development u eSports – bi studjows lokali dejjem jikbru u komunità kreattiva ta’ talent, programmaturi u streamers.

Dawn is-setturi mhux biss qed jiġbdu investiment barrani, iżda qed joħolqu opportunitajiet ġodda għal gradwati Maltin, ħaddiema fil-qasam kreattiv u intraprendituri biex jirnexxu fl-ekonomija diġitali globali.

Il-pass ’il quddiem: Nibnu fuq dan is-suċċess

Hekk kif se nibqgħu nibnu fuq dan is-suċċess il-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi se:

  • Jespandi l-isforzi ta’ koinvestiment biex jiġbed fondi akbar għall-venture capital.
  • Jappoġġja kumpaniji li qed jikbru biex jiksbu fondi internazzjonali.
  • Jippromwovi lil Malta bħala punt ta’ tluq għall-innovazzjoni fl-UE u fil-Mediterran.
  • Jintegra aktar l-innovazzjoni fil-pjanar nazzjonali, ir-regolamentazzjoni u l-edukazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li: “Din iż-żieda ta’ 16.7 punti fil-punteġġ tal-innovazzjoni sa mill-2018 hija prova ċara li d-direzzjoni ekonomika fit-tul ta’ pajjiżna qed taħdem. Ħadna deċiżjonijiet kuraġġużi biex nindirizzaw in-nuqqasijiet, bnejna setturi ġodda u qed inkomplu nifirxu aktar il-potenzjal tal-Maltin. Il-politika tagħna mhux biss qed ittejjeb id-dehra ta’ Malta f’dak li hu innovazzjoni – iżda qed toħloq l-impjiegi, in-negozji u l-opportunitajiet għall-futur. Il-messaġġ hu wieħed: Malta tfisser innovazzjoni.”

Dwar il-European Innovation Scoreboard

L-EIS huwa l-istrument ewlieni tal-UE biex ikejjel u jqabbel il-prestazzjoni tal-innovazzjoni bejn l-Istati Membri. Jevalwa l-pajjiżi fuq 32 indikatur u jikklassifikahom bħala Innovaturi Ewlenin, B’saħħithom, Moderati jew Emerġenti. Bħalissa, Malta tinsab fl-ewwel post fil-kategorija ta’ Innovaturi Moderati, u tinsab fit-triq it-tajba biex tingħaqad mal-aktar pajjiżi avvanzati fl-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport