Friday, December 20, 2024

“Il-politika għandha valur kbir f’ħajti, però determinata li nimxi pass pass”

Noyah Spiteri Hammett – Viċi-Sindku ta’ Bormla

Aqra wkoll

Qabel xejn, x’ħajrek biex tidħol fid-dinja tal-politika?

Ejja ngħidu, missieri dejjem kien indirettament involut fil-politika, u allura isa naħseb tkun fik jew tiġi naturali speċjalment meta tkun qed tinvolvi ruħek fil-media. Fil-verità, jien bdejt il-karriera tiegħi minn tim Qawsalla, dak iż-żmien immexxi minn Ray Azzopardi fejn imbgħad ingħatajt l-opportunità li nkun parti minn programm ta’ mużika fuq One Radio. Iżda minn dak iż-żmien bdew ġejjin opportunitajiet oħrajn. Opportunitajiet li wasluni s’hawnekk illum, studenta tal-aħħar sena fil-Politika u Governanza, Viċi-Sindku ta’ Bormla u issa erġajt qiegħda nagħmel programm ta’ ġrajjiet kurrenti u diskussjoni ‘Fehmiet’ fuq ONE Radio, nhar t’Erbgħa. 
Dejjem emmint, li biex wieħed jasal, irid iżomm saqajħ mal-art u jimxi l-mixja tiegħu mingħar ma jħares lejn ħadd għaliex il-ħajja mhux kompetizzjoni ma’ xi ħadd, ħlief miegħek innfisek sabiex kuljum l-affarijiet tagħmilhom ftit aħjar mil-bieraħ. Infatti, jien il-linja tal-istudju li kont għażilt ma kellha x’taqsam xejn mal-Politika, u biex inkun qed ngħid kollox mhux dejjem kont xi studenta li nibrilla f’kollox. Iżda, darba waħda inzerta kelli opportunita li nsiefer fuq delegazzjoni tal-Kunsill, u niftkar konna tim żgħażuġħ li bdejna nitkellmu fuq il-politika, qalu xi kelma teknika li jien dak iż-żmien ma fimtiex. Minn hemm iffisajt u ridt li akkoss ta’ kollox nistudja il-politika. Personalment nemmen li ma jistax ikun tkun qed isservi u tirrapreżenta lill-poplu u ma tkunx taf l-affarijiet bażiċi fil-politika u s-sens waraja. Ma ħarist lura qatt, illum qed nagħmel l-aħħar sena fil-Baċċelerat fil-Politika.

X’unur u x’responsabbiltà tħoss għall-fatt li int tokkupa l-kariga ta’ Viċi-Sindku ta’ Bormla?

Onorata, minn dejjem kont. Mill-2013 ‘l hawn, qatt ma waqaft ngħid kemm jien kuntenta li nirrapreżenta lill-Bormliżi. Illum, il-fatt li nokkupa l-kariga ta’ viċi-sindku, inħossni aktar responsabbli. Biex inkun onesta, ir-responsabbiltá ma ddejjaqni assolutament xejn, anzi pjuttost il-kontra. Iżda, iva dan l-irwol għalkemm jiftaħlek aktar bibien għall-opportunitajiet, itaqqlek bil-piż ta’ diversi fatturi u deċizjonijiet li tkun trid tieħu. 

Kemm taħdem mill-qrib mas-Sindku Marco Agius?

Biex inkun onesta qatt ma kelli problemi naħdem ma ħadd, la mas-sindku preċedenti Alison Zerafa Civelli li llum hija s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u lanqas mas-Sindku preżenti Marco Agius, li minn hawn inselli għalih u nirringrazzjah ukoll tal-fiduċja tiegħu fija u l-imħabba tiegħu lejn Bormla. Però, il-Kunsill Lokali mhux biss is-Sindku jew il-Viċi Sindku iżda l-kunsilliera ukoll li huma eletti mill-poplu li fil-verita jagħmlu ħafna xogħol ukoll, mhux biss ta’ min jaqta’ ż-żigarella. Personalment, jien nemmen li sabiex wieħed jaħdem aktar, irid isib il-bibien miftuħin u jiġi rikonoxxut tal-ħidma tiegħu. Infatti, fil-Kunsill Lokali, voċifera ħafna favur opportunitajiet indaqs li mhux neċessarjament jinvolvu lis-Sindku jew lill-Viċi Sindku, iżda anke l-kunsilliera. Dan jistu jixhduh l-kollegi sħabi. Is-sapport u l-apprezzament huma ferm importanti sabiex tim iżommu mgħaqud u fuq kollox jibqa jiffunzjona u jaħdem b’enerġija doppja.

Tikkunsidra l-fatt li fil-futur tikkontesta għall-Elezzjoni Ġenerali?

Il-politika nagħtiha valur kbir f’ħajti, għaliex anke l-istudji tiegħi huma preċiżament politiċi. Però kif semmejt aktar kmieni, inħobb nimxi l-mixja bil-mod mingħajr pretensjonijiet żejda u nibqa’ saqajja mal-art. Nemmen li għad fadali ħafna x’nitgħallem u nwettaq fl-irwol ta’ Viċi Sindku u fadalli ħafna x’noffri lil-Bormla u lill-Bormliżi jekk ovjament jogħġobhom jerġgħu jagħtuni l-fiduċja fl-elezzjonijet tal-Kunsilli Lokali li jmiss. 

Jinkwetak il-fatt li l-preżenza tan-nisa fil-Parlament Malti hija waħda baxxa? 

Jien nemmen li dan il-mekkaniżmu għen sabiex jonqos in-nuqqas ta’ preżenza tan-nisa fil-Parlament Malti, iżda jien inħares ukoll lejn il-kapaċita tal-individwu mingħar biss ma nħares lejn l-identita jew is-sess tal-individwu. Inħares lejn il-kapaċitajiet b’mod ħolistiku fejn l-onesta, l-imġieba u diversi kwalitajiet oħrajn ikunu fatturi importanti li l-poplu jista jiġġudika fuqhom. Iżda iva, nemmen li kien hemm bżonn ta’ aktar ilħna femminili fil-Parlament. 

Kif jirnexxielek issib bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tiegħek?

Kuljum bil-ġenn u nipprova nlaħħaq ma’ kollox! Imn’Alla li jkollok familja tissapportjak u tgħinek. Sentejn u nofs ilu, mietet ommi u għalhekk kelli nieħu ċerti responsabbiltajiet ukoll. Fis-sens, qabel kont immur id-dar wara ġurnata xogħol u mpenji u kont insib kollox lest, ikel, ħwejjeg u tindif. Illum il-ġurnata irrid insib il-ħin bilfors sabiex inkun nista nleħħaq max-xogħol, l-impenji u anke mad-dar. Irrid ngħid li għajnuna insib, għax il-familja tgħini ħafna. Il-problema hija jien li nipprova niġġieled miegħi innifsi sabiex nagħmel u nleħħaq ma kollox. Bħalissa, ċans għall-ħajja personali ma tantx għandi, il-veritá. Jien f’ħajti dejjem nimxi skont il-prijoritajiet u x’l-aktar li hemm bżonn li jsir. Din is-sena il-prijoritá tiegħi hija li nlesti l-istudji tiegħi. Ftit sagrifiċċju imma naf li ser ingawdi minnu ‘l quddiem! 

Xi tgħidli dwar l-ekonomija Maltija li hi waħda mill-aqwa li qatt kellna f’dawn l-aħħar snin? Izda taħseb li hawn faqar li ma jidhirx?

Il-faqar, bla dubju jeżisti. Imma dak fattur ieħor dibattitli minn fejn u għalfejn ċerti famlji u individwi jinsabu jgħixu fil-faqar. Imbilli għandna ekonomija b’saħħitha, ma jfissirx li m’hawnx tbatijiet jew kulħadd qiegħed igawdi minnha. Ħadd ma jieħu pjaċir jgħix f’ċerti nuqassijiet, ħafna drabi bażiċi, imma wieħed tajjeb li jsemmi li llum hawn opportunitajiet li kulħadd jista’ jieħu jew jibbenefika minnhom fosthom dawk edukattivi u anke soċjali sabiex wieħed jgħin l-kundizzjoni li jkun fiha. 

Il-faqar mhux biss li wieħed ma jistax ilaħħaq mal-ħajja iżda l-faqar socjali nemmen li huwa problema wkoll. L-illiterizmu huwa faqar ukoll, in-nuqqasijiet edukattivi huma faqar ukoll għaliex wieħed għandu l-opportunitajiet kollha sabiex ikun jista’ jirnexxi. Il-problemi soċjali huma faqar ukoll u nemmen li aħna hemm irridu nattakkaw l-iżjed, li apparti li nirrikonoxxu, nindirizzaw u nattwaw fuq dak li verament għandu bżonn il-poplu. Iżda llum jeżistu l-opportunitajiet! 

X’tikkummenta dwar l-abort?

Għalkemm huwa suġġett sħun u jaħraq, ma nistgħux nitfgħuh taħt it-tapit. Fl-opinjoni tiegħi, bħala mara nemmen li d-deċiżjonijiet finali għandhom ikunu tiegħi. Iżda nemmen ukoll fir-responsabiltà tal-individwu, fejn illum wieħed tajjeb li jfakkar li teżisti l-għajnuna kollha neċessarja u l-alternattivi ukoll. Fil-każ li ġara riċenti f’Malta, fejn kien hemm ir-riskju li l-omm titlef ħajjitha, iva naqbel li kellu jsir dak kollu neċessarju sabiex tigi salvata l-omm. 

Kemm bidlet id-dinja it-teknoloġija li kulma jmur qiegħda dejjem tiżviluppa?

It-teknoloġija illum hija parti essenzjali minn ħajjitna, iżda jiddependi minn kif wieħed jużaha – bħal kull ħaġ’oħra wara kollox. Ngħid ghalija, il-komunikazzjoni saret iktar faċli, anke fuq ix-xogħol. Il-messaġġ tista’ twasslu b’mod aktar effiċjenti u b’mod aktar ħolistiku li tista’ tilħaq lil kulħadd. Għalkemm it-teknoloġija għandha n-negattiv tagħha, irridu nammettu li llum ma naħsibx li ngħaddu mingħajrha għaliex sibna diversi kumditajiet fiha wkoll.

Permezz tat-teknoloġija, il-kompetizzjoni żdiedet u nemmen li huwa importanti wkoll, imma fuq kollox żdiedu wkoll l-opportunitajiet anke dawk edukattivi fejn huwa semplici li wieħed jagħmel ir-riċerka tiegħu. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lill-poplu Malti u Għawdxi.

Bħala Viċi-Sindku ta’ Bormla nixtieq li primarjament il-messaġġ ngħaddiħ lill-Bormliżi. Huwa importanti li r-relazzjoni bejn ir-residenti Bormliżi u l-kunsill tkompli tissaħħah iżda nifhem ukoll lil dawk in-nies li forsi għal xi raġuni jew oħra għandhom opinjoni differenti fuq il-ħidma tal-Kunsill imma naċċertahom li kulħadd jagħmel ħiltu biex jindirizza l-bżonn lil dawk kollha li jiġu bżonn is-servizzi tagħna. Għalhekk, permezz ta’ din l-intervista nixtieq li nieħu  l-opportunitá sabiex nistieden lill-poplu Bormliż u ma jiddejjaqx javviċinana, anzi huwa importanti li nibqgħu naħdmu id f’id magħkom għax wara kollox intom li ttellgħuni u tagħtuna l-opportunitá u l-unur li nservukom. 

Finalment, nixtieq li nirringrazzja lis-sindku u lil sħabi l-kunsillera, anke tal-kamp oppost tas-sapport kontinwu li nsib mingħandhom u ta’ kemm jemmnu u javdaw fijja. Pjuttost għalhekk il-Kunsill Lokali ta’ Bormla huwa b’saħtu għaliex mgħaqud u għandu interess wieħed, ir-resident.

Nieħu din l-opportunità sabiex insemmi u nirringrazzja lil dawk li kienu parti mil-Cospicua Short Play Festival, fejn l-edizzjoni ta’ Settembru li għadda kienet il-ħames waħda.  It-talent huwa wieħed fenomenali, u bla dubju attivita’ bħal din ikun bix-xieraq li tidhol fil-kalendarju tagħna l-Bormliżi.

Hekk kif semmejna it-talent, ma nistax ninsa li nifraħ ukoll lill-Kumitat u qaddiefa tar-Regatta ta’ Bormla li reġu għamluna kburin bix-shield li rrnexielhom jerġgħu jġibu f’Beltna, kif ukoll lis-Subboteo Club, li ukoll qed iġibu s-suċċessi kbar lejn beltna Bormla.
Kburija li nservikom Bormliżi, inħares ‘il quddiem għal aktar ħidma favur l-edukazzjoni, it-tfal u ż-żgħażagħ!

Ekonomija

Sport