Din il-ġimgħa rajna l-politika tal-Partit Nazzjonalista fl-agħar tagħha. Politika li niżżlet l-awturi tagħha – il-klikka estrema – fl-aktar livelli baxxi – bla ebda rispett lejn il-funzjoni tagħhom ta’ Oppożizzjoni.
Bla ebda rispett lejn il-poplu Malti u Għawdxi li jistenna politika serja, politika b’saħħitha, politika li tgħaqqad u mhux tifred. Għax il-politika vera tfisser li anke meta ma naqblux, infittxu l-kompromess. Għax dejjem hemm triq tan-nofs. Imma min għandu kilba għamja għall-poter, min jemmen li hu biss tajjeb, dan ma jarahx. Ma jara xejn għajr l-interess tiegħu stess u din il-ġimgħa, rajniehom – mhux jippruvaw isolvu, imma jkomplu jxewxu u jkissru.
Din l-istess tip ta’ politika – tal-konvenjenza u mhux tal-konvinzjoni – rajniha ukoll fil-Parlament Ewropew. Quddiem dak li seħħ f’Gaża, fejn nisa u tfal sfaw vittmi ta’ attakki bla ħniena, l-istess President tal-Parlament Ewropew – li normalment tkun l-ewwel waħda fuq il-midja soċjali – għażlet is-skiet. Skiet li jtarrax. Għax ma kienx konvenjenti titkellem. Aħsbu ftit – Il-ġimgħa l-oħra l-Parlament Ewropew ikkundanna t-Tajlandja għax iddeportawt 40 refuġjat, imbagħad lanqas lissen kelma fil-konfront ta’ ġenoċidju.
Il-poplu tagħna jistħoqqlu aħjar u dan hu l-mod kif nagħmlu l-politika aħna – politika konsistenti, u mhux konvenjenti.
Politika b’viżjoni, fejn nisimgħu imma fuq kollox naġixxu. Politika li permezz tagħha niksbu riżultati konkreti għal Malta, bil-fatti, mhux bil-kliem biss. Kif rajna din il-ġimgħa, bil-Gvern jiffirma ftehim storiku ma’ Costa Cruises biex inkomplu nnaqqsu t-tniġġis fil-Port il-Kbir li fil-passat, kien bejta ta’ trab iswed.
Fuq livell personali, fil-Parlament Ewropew ksibt vot ta’ fiduċja għal żewġ inizjattivi importanti li mexxejt ‘il quddiem biex insaħħu t-turiżmu – l-aktar industrija importanti għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Għax din hija l-politika li nemmen fiha. Politika li tibni, mhux tfarrak.
Il-politika m’għandhiex tkun dwar min jgħajjat l-aktar jew min jiftaħar li hu perfett. Il-politika trid tkun hemm biex tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Aħna se nibqgħu naħdmu għal Malta tagħna lkoll. Malta li tgħaqqad. Malta li tirnexxi. Malta li tħares ’il quddiem.