Sunday, October 27, 2024

“Il-politika tal-mibegħda se tħalli lill-PN fl-Oppożizzjoni fejn jixirqilhom”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt diskors relatat mal-qasam soċjali, il-Whip tal-Partit Laburista Glen Bedingfield qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jinfexx f’sensiela ta’ attakki, filwaqt li jippruvaw inessu l-ħafna benefiċċji li qiegħed jipprovdi dan il-gvern biex jiġġieled il-faqar.

Bedingfield qal li dan il-gvern jirrikonoxxi li f’pajjiżna hawn problema, iżda qiegħed jindirizza l-problema tad-dħul għal dawk li qegħdin ibatu finanzjarjament.

Fakkar dwar iż-żieda fil-pensjonijiet, fejn għal sena wara l-oħra gvern Laburista baqa’ jwieżen lill-pensjonanti tagħna. Barra minn hekk, dawk li qegħdin jagħżlu li jibqgħu jaħdmu qegħdin jaraw tnaqqis ukoll fit-taxxi. Sostna li dawk li qegħdin ipenġu lilhom infushom tal-aqwa difensuri tal-pensjonanti, fil-perjodu li għamlu fil-gvern nesew lil dawn il-pensjonanti u warrbuhom. Tkellem ukoll dwar it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u li kull min qiegħed juża t-trasport pubbliku qiegħed jiffranka l-flus. Fakkar dwar żmien fejn il-part time kien ikun l-uniku introjtu għax ma kinux isibu xogħol, iżda taħt dan il-gvern qiegħed inaqqas t-taxxa lil dawn in-nies minn 15 fil-mija għal 10 fil-mija. Dan ifisser li l-gvern qiegħed jinċentiva lill-bieżel biex ikompli jissuplimenta l-introjtu tiegħu.

Il-Whip Laburista rrefera għal statistika dwar id-dħul li tindika li f’Jannar 95,000 pensjonant, 53,000 ħaddiem u 15,000 student bejniethom kellhom żieda ta’ €65 miljun.

Kompla biex jitkellem dwar traħħis ieħor bħalma huma dawk fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fost għajnuniet oħra. Hawnhekk tkellem dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u qal li daħal fil-politika fi żmien li fih rriżulta li naqas milli jħallas ammont ta’ taxxa.

Huwa kompla biex jgħid li issa l-Oppożizzjoni qiegħda titkaża bil-persuni u l-ħlas mogħti meta fi żmienhom kien hemm ħlasijiet li ma tantx kienu ġustifikati. Fakkar dwar il-ħlas ta’ €29,500 fix-xahar lill-persuna li ħarbat is-sistema tat-trasport pubbliku. “U n-nies ħadu 50 ċenteżmu dakinhar, u l-gvern kien jifqa’ lill-middleclass bit-taxxi, imma din l-istess middleclass illum taf fejn qiegħda ma’ dan il-gvern”, kompla Bedingfield.

Bedingfield qal li l-kampanji ta’ qerq li qiegħed taġixxi bihom l-Oppożizzjoni għad trid iddur għalihom għax il-politika ma ssirx minn fuq il-midja soċjali. Il-Whip kompla biex jgħid li kull politiku għandu jżomm siequ mal-art u l-politika tal-gvern Laburista hija politika tan-nies li tgħinhom biex jgħixu aħjar. 

Rigward it-tmexxija tal-Oppożizzjoni, Bedingfield qal li nafu li hemm Bernard Grech fil-kariga, iżda allega li aħna fl-aħħar mill-aħħar ma nafux minn fejn ġejjin dawn l-attakki ta’ mibegħda huma u jwegħdu għal darba oħra li f’pajjiżna ġejja l-elezzjoni. Huwa rrefera għal indikazzjonijiet li l-programm elettorali huwa lest u ċċajta bil-fatt li sippost ilu lest minn Novembru meta dak iż-żmien l-Oppożizzjoni wkoll kienet bassret li l-Prim Ministru kien se jsejjaħ elezzjoni, xi ħaġa li ma saritx.

“Il-Prim Ministru qalilkom li sa Ġunju se ssir l-elezzjoni, għalkemm onestament ma nafx minn fejn ġejja din il-ferneżija. Jirbaħ l-elezzjoni min għandu politika tajba u mhux min jagħmel politika biex jirbaħ l-elezzjoni. Min ma jagħmilx kampanji mibnija fuq il-mibegħda. Ma naqblux fuq kollox, jien meta jkun hemm bżonn nagħmel il-kritika. Meta nikkritika jgħidu li qiegħed nattakka. L-unika politika li tħaddan l-oppożizzjoni hija l-politika tal-mibegħda li se tħalli lill-Oppożizzjoni fejn huma u fejn jixirqilhom. Din in-naħa nadattaw għall-politika kuraġġjuża li tagħmilna man-nies dejjem u mhux meta tkun ġejja elezzjoni”, temm isostni Bedingfield.

Sport