Wednesday, December 25, 2024

“Il-politika tal-PL dejjem baqgħet waħda konsistenti fejn il-bniedem kien fiċ-ċentru”

Aqra wkoll

Anthony Agius Decelis jiddeskrivi ruħu bħala laburist pur. Ilu jimmilita fil-Partit Laburista sa minn meta kellu 13-il sena. Joqgħod il-Mosta, miżżewweġ lil Josette, għandu tlett itfal li huma Danika, Anne Marie u Jeanine. Hu anke nannu ta’ żewġt itfal oħra. Hu kkwalifikat fil-Youth Work in Formation Education, Post Graduate Course fil-Health Management u Masters fil-Ġerantoloġija.

Hu ħadem għal aktar minn 20 sena fis-servizzi tas-saħħa u kien elett għall-ewwel darba fil-parlament Malti fis-sena 2008. Hu okkupa diversi rwoli u pparteċipa fi djalogi ma’ diversi setturi, organizazzjonijiet u membri tas-soċjetà inġenerali. Fis-sena 2017 hu kien maħtur bħala Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva. Dan l-aħħar ukoll kellu rwol ta’ chairman mhux eżekuttiv fil-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Anthony Agius Decelis jemmen fi tliet valuri importanti sabiex politiku verament jirnexxi fil-ħidma tiegħu. Dawn huma l-perseveranza, il-lealtà u li tkun ġentili man-nies. Dawn ikkaraterizzaw il-ħidma politika tiegħu f’dawn is-snin bin-nies u l-kostitwenti tiegħu li apprezzaw dak li għamel għalihom. Anke fuq livell professjonali hu dejjem ried iħaddan dawn il-valuri sabiex verament ikun ħaddiem eżemplari. Barra minn hekk hu jemmen li l-politiku għandu jkun viċin in-nies u qatt m’għandu jitla’ fuq pedestall qisu għandu xi dritt divin. 

Agius Decelis se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu f’isem il-Partit Laburista. Hu se jkun qed jikkontesta fil-11-il distrett li jikkonsisti f’Ħ’Attard, il-Mosta, Burmarrad, l-Imdina u l-Bidnija u fit-12-il distrett li fih hemm il-Mellieħa, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Manikata.

Insaqsu lil Agius Decelis dwar kif bdiet l-imħabba tiegħu għall-politika.

“Kif diġà għedtlek, in-namra għall-politika bdiet meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel. Niftakar episodju partikolari li seħħ fil-karozza tal-linja fejn hemmhekk iltqajt ma’ Marthese Ciappara u wara li tkellimna fit-tul dwar il-politika ta’ dak iż-żmien, iddeċidejna li niffurmaw l-għaqda taż-żgħażagħ Soċjalisti fil-lokalità tagħna. Kellna ħafna sapport u ridna naslu x’imkien. Il-messaġġ wasal u dan il-grupp ġie ffurmat. Dak kien il-bidu tal-vjaġġ tiegħi fil-politika li wassalni għal ħafna episodji sbieħ li għadni ngħożżhom sal-lum il-ġurnata.”

Agius Decelis iħoss li hekk kif riesqa elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista jrid iġib mandat b’saħħtu minħabba li fil-gvern wettaq ħafna ġid li gawdew minnu l-popolazzjoni kollha inġenerali. Hu jgħid li dan il-moviment hu wieħed li ġab bidla kbira fil-pajjiż u bih fil-gvern, il-pajjiż kollu jirbaħ. 

Iżda Anthony Agius Decelis kif isib ħin iwettaq il-ħidma politika li żgur mhux forsi tinvolvi ħafna ħin?

“L-ewwel u qabel kollox trid torganizza l-ħin tiegħek bl-aqwa mod possibbli. Imbagħad irid ikollok is-sapport tal-familja tiegħek u jien mhux nieqes minn dan kollu għax il-mara tiegħi dejjem takkumpanjani meta tkun tista’ fiż-żjarat li nagħmel fid-djar. Kollha flimkien qed ituni ħafna kuraġġ u jien għalhekk nibqa’ għaddej.”

Insaqsuh dwar l-isfidi li n-nies qed ikellmuh dwarhom meta jmur jagħmel iż-żjarat tiegħu. Hu jgħidilna li n-nies japprezzaw ħafna l-ħidma li saret mill-gvern speċjalment fi żmien il-pandemija. Iħossu li dan il-gvern kien ta’ spalla għalihom u għenhom b’kull mod meta tqis mit-tbatija li xi wħud għaddew minnha. L-iskemi li nħolqu għenu sabiex ikun hemm din l-għajnuna taffew ħafna tbatija.

Iżda l-valuri u t-twemmin politiċi tal-prinċipji Soċjalisti għadhom validi għal-lum il-ġurnata?

“Jien ngħid li għadhom validissimi. Anzi kienu dawn il-prinċipji li mexxewna sabiex f’mument ta’ pandemija jiggwidana sabiex nimxu bl-aħjar mod possibbli. Ma ninsewx li meta faqqgħet il-Coronavirus, ma kellna l-ebda manwal kif għandna nimxu għax kienet xi ħaġa li xejn ma stennejniha.”

“Minkejja kollox, kellna l-valuri tagħna li tawna stimolu kif għandna ngħinu lill-familji Maltin u Għawdxin u fil-fatt hekk għamilna. L-inċentivi li ħloqna setgħu jseħħu minħabba li l-gvern Malti kien bilgħaqal tul dawn is-snin u meta kien hemm il-bżonn ta dik l-għajnuna finanzjarja lil kulħadd.”

Insaqsu lil Anthony Agius Decelis x’timbru jixtieq li jħalli ġaladarba jiġi elett bħala membru parlamentari. Hu qalilna li l-ewwel u qabel kollox irid iżomm il-lealtà lejn il-Partit Laburista għax hu mhux ikbar minn dan il-moviment rebbieħ. L-imħabba mingħajr kundizzjoni lejn dan il-partit jixprunah sabiex bħala membru parlamentari jkun leali lejn il-Prim Ministru li kif qal hu stess hu l-mexxej ideali għal dan il-partit. Hu jsemmi li lest joqgħod għall-kariga li jtih u fil-kapaċitajiet tiegħu jipprova jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’.

F’dan l-istadju, il-Partit Laburista jrid ikompli jiġġedded. Agius Decelis isemmi li dan hu l-partit tal-bidla li dejjem jiġġedded u qatt ma jibqa’ staġnat lejn il-passat.

“Il-Partit Laburista baqa’ rilevanti f’dawn l-aħħar snin għax ipoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Għalhekk hu importanti li bħala moviment nibqgħu viċin in-nies u naraw li jiġu megħjuna fl-aspirazzjonijiet u x-xewqat li għandhom.”

“Minkejja li s-sondaġġi qed jgħidulna li l-Partit Laburista jinsab fuq quddiem fl-għażla naturali tal-votanti, jien ma noqgħodx daqshekk fuqhom minħabba li l-elezzjoni ġenerali hi l-mument veru tal-prova. Bħall-futbol anke l-elezzjoni tibda bl-iskor ta’ xejn b’xejn u għalhekk qatt m’għandna nagħmlu xejn fatta. Il-Partit Laburista wasal sa dan l-istadju għax dejjem baqa’ saqajh mal-art, umli u qatt ma ra kbir.”

“Aħna m’aħniex dak il-partit li fil-kampanja elettorali nwiegħdu affarijiet li ma jistgħux jitwettqu għax inkella tkun qed tidħak bin-nies. Mhux ta’ b’xejn li dak kollu li wegħdna wettaqnieh tul dawn l-aħħar snin.”

Anthony Agius Decelis xtaq iwassal l-aħħar messaġġ tiegħu lill-elettorat Malti li fi ftit tal-ġranet oħra se jkun qed jiddeċiedi dwar il-futur ta’ pajjiżu.

“Dawn is-sentejn li għaddew xejn ma kienu faċli għal pajjiż. Minkejja kollox, il-Partit Laburista wera li l-politika tiegħu dejjem baqgħet waħda konsistenti bil-bniedem li kien fiċ-ċentru. Rajna lill-Prim Ministru Robert Abela li sab il-pandemija ma’ wiċċu u kien tassew kaptan li kien qed isuq il-vapur fil-maltemp u mhux baħri tal-bnazzi.”

“Mill-banda l-oħra, dan il-moviment jaħseb b’mod ħolistiku u għalhekk importanti li fis-26 ta’ Marzu, il-Maltin jeleġġu Gvern Laburista sabiex jibqgħu jgawdu mill-ġid li se nkunu qed noħolqu.”

Ekonomija

Sport