“Nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela talli laqa’ l-proposta li ressaqt u rrikonoxxa l-ħtieġa tagħha. Meta koppja tgħaddi minn mument tant vulnerabbli – fejn twelid ta’ tarbija jinqaleb fi ġranet ta’ inċertezza u tħassib – jeħtieġ li jkun hemm qafas ta’ sapport li jagħmel id-differenza. Din il-miżura tfisser ħafna għalija… tfisser li l-politika tista’ tassew tisma’, tifhem u taġixxi. Dan huwa li nfisser jien meta nispjega għalfejn qiegħda hawn fil-politika.”
Qalet dan f’intervista ma’ IT-TORĊA id-Deputat Laburista Romilda Zarb li riċentement għamlet proposta fil-Parlament biex ikun hemm neonatal leave mħallas għall-ġenituri li t-tarbija tagħhom tiddaħħal fl-NPICU, in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit. Dan flimkien ma’ appoġġ psikoloġiku obbligatorju u sostenn minn ġenituri oħra permezz ta’ peer support group. Zarb tinsistiet fl-importanza tal-preżenza tal-ġenituri fl-ewwel ġranet tat-twelid għax fi kliemha, “din il-preżenza mhiex lussu imma parti mill-kura. L-effett fuq ir-relazzjoni bejn il-ġenitur u t-tarbija, is-saħħa mentali u l-bilanċ tal-familja huwa kbir”.
Kien fil-fatt bħal-lum ġimgħa li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gven laqa’ din il-proposta u se jintroduċi miżura ġdida fir-rigward. Ħabbar li d-Deputat Laburista Romilda Zarb, b’sinerġija mas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, bdew ħidma fuqha biex tidħol fis-seħħ bil-għan li tagħmel differenza f’ħajjet in-nies.
Dott. Abela spjega wkoll li meta l-Gvern se jkun qiegħed ifassal il-baġit li jmiss ma jistax iħalli realtajiet individwali barra u għalhekk se jibqa’ għaddej b’ħidma ffokata biex isiru aktar bidliet fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
X’wassal għal din il-proposta…
Realtà li għexuha bħala familja…
Id-Deputata Laburista Romilda Zarb tkellmet ma’ dan il-ġurnal fid-dettal dwar x’wassalha biex tagħmel din il-proposta fil-Parlment. Din ir-realtà iebsa għexuha huma bħala familja meta twieled tat-tarbija tagħhom Nate. Qalet kif, “kien jum li konna ilna nistennew iżda dak li kellu jkun l-isbaħ mument ta’ ħajjitna spiċċa f’realtà ġdida u diffiċli. Ftit wara t-twelid Nate ttieħed għall-kura fl-NPICU u bqajna b’idejna vojta u b’ħafna mistoqsijiet. Għaddew sigħat twal ta’ stennija, silenzju u tama. Dak li suppost kien l-ewwel ħarsa, l-ewwel qabda, inbidel f’mument mimli tħassib u ansjetà u minkejja li jiena ġejja mill-qasam mediku u mdorrija nisma’ u nifhem sitwazzjonijiet kliniċi, xorta ma fhimtx. Dak il-ħin aħna konna biss ġenituri, ġenituri mbeżżgħin, konfużi u vulnerabbli”.
Zarb spjegat li meta tarbija titwieled u minflok tmur id-dar tintbagħat għall-kura fl-NPICU, dak li suppost ikun mument ta’ ferħ jitbiddel fi ġranet ta’ ansjetà, inċertezza u qtigħ il-qalb. Il-ġenituri jsibu ruħhom fil-limitu emozzjonali tagħhom, jagħmlu sigħat sħaħ fl-isptar, jistennew, jittamaw, jitolbu u ħafna drabi jispiċċaw mingħajr l-appoġġ strutturat li verament għandhom bżonn. Insistiet li meta tarbija tinżamm fl-NPICU, il-leave eżistenti ma jlaħħaqx mar-realtà u kif il-maternity u paternity leave huma limitati fis-sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri għandhom ikunu preżenti għal ġimgħat sħaħ fl-isptar.
“Il-parental leave, li jista’ jintuża sal-età ta’ tmien snin, nemmen li għandu jservi aktar ‘il quddiem u mhux għal dawn il-mumenti ta’ kriżi immedjata. L-urgent family leave li daħal fis-seħħ reċentement huwa pass tajjeb u jista’ jintuża f’dawn is-sitwazzjonijiet iżda anke dan mhuwiex biżżejjed. Għalhekk importanti neonatal leave dedikat, strutturat u mħallas, bħala dritt universali għall-ġenituri li jsibu ruħhom f’din ir-realtà… Dan huwa dritt universali u mhux xi favur li jintalab,” kompliet Zarb.
Esperjenza li bidlet il-mod kif tara l-ħajja u l-politika
Din l-esperjenza lill-familja ta’ Zarb bidlitilhom il-mod kif jaraw il-ħajja u lilha bidlitilha wkoll il-mod kif tara l-politika. “Għax f’dawk il-mumenti ma tibdiex tifhem. Dak li jgħodd huwa min ikun hemm għalik, kemm bħala professjonist kif ukoll bħala bniedem u l-politika għandha tkun dak – preżenza li tifhem, li tappoġġja u li tagħraf il-bżonn qabel ma jitqal”.
Hawn saħqet li din il-politika hija fil-qalba tal-viżjoni soċjali li ħa Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin. “Politika li tagħti valur lill-esperjenza umana, lill-għajnuna waqt il-kriżi u li tagħraf li l-vera ġustizzja soċjali tibda mill-empatija attiva. Qegħdin inkomplu nibnu fuq dan b’miżuri speċifiċi għas-sitwazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, bħall-ġenituri ta’ trabi fl-NPICU,” insistiet din il-Deputata Laburista.
Min-naħa tagħha hija temmen li lkoll kemm aħna nifhmu li f’dawn ir-realtajiet il-preżenza tal-ġenituri fl-ewwel ġranet kritiċi mhux biss hija kruċjali għat-tarbija iżda wkoll fundamentali għall-ġenituri infushom ħalli jkunu jistgħu jifhmu s-sitwazzjoni, jirregolaw l-impatt emozzjonali u biex iżommu bilanċ fil-familja kollha.
Risposta konkreta għal realtà diffiċli
Qabel il-konferma u fl-eventwalità li tidħol fis-seħħ il-miżura mħabbra mill-Prim Ministru Abela, il-verità għal ħafna koppji f’dawn il-mumenti kruċjali, kienet li dawn kellhom jagħżlu bejn li jkunu preżenti għal uliedhom jew inkella li jżommu stabbiltà finanzjarja. Kien għalhekk li Zarb ressqet dawn il-proposti “mhux biss bħala politika imma bħala risposta konkreta għal realtà diffiċli u li ta’ spiss tibqa’ fis-skiet”.
Mistoqsija jekk fadalx aktar xi jsir biex jiġu indirizzati realtajiet oħra simili għal din, id-Deputata Laburista Romilda Zarb ikkonfermat li, “iva, fadal aktar xi jsir bħala ħidma u s’issa diġà tkellimt ma’ diversi persuni waqt li għad fadalli oħrajn li għamlu kuntatt miegħi u li se nkompli niltaqa’ magħhom fil-jiem li ġejjin. Qabel inressaq il-wegħdiet ‘il quddiem hemm bżonn li nfassal pjan ċar ta’ kif nimplimentaw l-għajnuna meħtieġa b’mod konkret u effettiv bħala Gvern”.
Min-naħa tagħha hija temmet tgħid li l-għan huwa li jassiguraw li kull intervent ikun ibbażat fuq realtà konkreta u li jkun jista’ jagħti riżultati sostenibbli.