Wednesday, December 25, 2024

Il-Polonja tibbojkottja l-logħba kontra r-Russja

Aqra wkoll

Il-Polonja se tibbojkottja l-play-off tat-Tazza tad-Dinja kontra r-Russja minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna, bil-captain Robert Lewandowski jgħid li “ma nistgħux nippretendu li mhu qed jiġri xejn”.

Il-president tal-FA  Pollakka, Cezary Kulesza, qal li t-team “m’għandux l-intenzjoni” li jilgħab il-logħba.

Ir-Russja mistennija tospita lill-Polonja f’Moska fl-24 ta’ Marzu, filwaqt li l-Ukrajna tivvjaġġa lejn l-Iskozja fl-istess jum.

“Id-deċiżjoni t-tajba,” kiteb fuq Twitter, Lewandowski.

Nhar il-Ħamis, il-FIFA qalet li se tissorvelja s-sitwazzjoni wara li l-Polonja, l-Isvezja u r-Repubblika Ċeka qalu fi stqarrija konġunta li l-partiti tal-play-off m’għandhomx jintlagħbu fir-Russja.

“M’hemmx aktar kliem, ħin, biex taġixxi,” qal Kulesza l-bieraħ.

Bosta korpi governattivi, clubs u players tal-isport irreaġixxew għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna billi kkanċellaw jew ipposponew avvenimenti li kellhom isiru fir-reġjun.

L-attakkant ta’ Bayern Munich, Lewandowski ta’ 33 sena, li huwa l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ pajjiżu, żied jgħid: “Ma nistax nimmaġina li nilgħab partita mat-team nazzjonali Russu f’sitwazzjoni meta l-aggressjoni armata fl-Ukrajna tkompli. Il-players u l-partitarji Russi mhumiex responsabbli għal dan, iżda ma nistgħux nippretendu li mhu qed jiġri xejn”.

L-Iżvezja wkoll jinsabu fil-play-offs fejn, se jiltaqgħu mar-Repubblika Ċeka. Min jirbaħ minnhom jista’ jiltaqa’ mar-Russja għal post fil-finali tat-Tazza tad-Dinja, li jibdew fil-Qatar f’Novembru.

“Minħabba l-eskalazzjoni tal-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa lejn l-Ukrajna, it-team nazzjonali Pollakk m’għandux l-intenzjoni li jilgħab kontra r-Russja,” żied jgħid Kuleska.

Il-goalkeeper tal-Polonja, Wojciech Szczesny, li jilgħab ma’ Juventus, qal li l-“kuxjenza” tiegħu ma tħalliħx jilgħab.

“Nirrifjuta li nkun fuq l-istess ground, liebes il-kuluri ta’ pajjiżi u nisma’ l-innu nazzjonali Russu,” kiteb l-eks player ta’ Arsenal, li l-mara tiegħu twielded fl-Ukrajna.

“Nirrifjuta li nieħu parti f’avveniment sportiv li jilleġittima l-azzjonijiet tal-gvern Russu.”

Il-manager ta’ Chelsea, Thomas Tuchel, qal: “Hemm ħafna inċertezzi madwar is-sitwazzjoni tal-club tagħna fost l-invażjoni tar-Russja.”

Is-sid tal-Blues huwa l-biljunarju Russu, Roman Abramovich, u Membru Parlamentari Laburista qal li l-gvern għandu jikkonfiskalu l-assi tiegħu.

“M’għandniex nippretendu li din m’hijiex kwistjoni,” qal Tuchel.

“Għalija  u għall-istaff tiegħi, il-players, għal kulħadd f’Cobham, hija orribbli.

“Ħadd ma stenna dan. Hija xi ħaġa mhux reali, u bħal ma għidt qegħda f’moħħna, qed ittappnilna l-eċitament lejn il-finali kontra Liverpool.”

Ekonomija

Sport