Il-Ministru tad-Difiża Pollakk fl-aħħar sigħat ħabbar li pajjiżu kien qiegħed iżid il-preżenza militari mal-fruntiera ta’ Belarus minħabba “azzjonijiet u manuvri mhux komuni” mill-armata tal-pajjiż ġar tagħhom.
It-tensjoni bejn il-Polonja u l-Belarus kompliet tiżdied fl-aħħar jiem hekk kif tal-aħħar kompla jkabbar il-forzi tiegħu mal-fruntiera. Moska li hi l-akbar alleat ta’ Minsk qalet li l-preżenza tal-forzi mal-fruntiera huma biss għaż-żamma tal-paċi u ma hemm l-ebda ħsieb li l-Polonja tiġi attakkata.
Minkejja din id-dikjarazzjoni l-Polonja qalet li qatt ma tista’ tafda lil ġirien tagħha hekk kif Moska kienet tgħid l-istess meta kienet bdiet iżżid il-forzi mal-fruntiera mal-Ukranja.
Il-Ministru tad-Difiża Pollakk qal li hemm sinjali ċari li r-reġim ta’ Belarus qiegħed jikkopera bis-sħiħ bl-attakki li qed isiru fuq l-Ukranja. Sostna li hemm biża’ ċara li jsir attakk fuq il-fruntiera tal-Polonja bl-iskop biex ikissru lill-pajjiżna.
S’issa l-Polonja bagħtet aktar minn 10,000 suldat mal-fruntiera u dawn mistennija li jkomplu jiżdiedu fis-sigħat li ġejjin.
Ftit tal-ġranet ilu żewġ ħelikopters tal-forzi armati ta’ Belarus qasmu l-fruntiera lejn il-Polonja fejn il-Gvern ta’ Warsaw qal li din hija mossa ta’ provokazzjoni.
Il-Ministru tad-Difiża Pollakk qal li l-Belarus “qiegħda tkun ta’ theddida għas-sigurtà tal-pajjiż u għalhekk il-Gvern għandu kull dritt u dover li jiddefendi liċ-ċittadini tiegħu.”
Intant, is-sitwazzjoni fl-Ukranja baqgħet tmur għall-agħar hekk kif il-Gvern ta’ Moska akkuża lill-Gvern ta’ Kiev li kien wettaq attakk ieħor fuq il-pont li jwassal għal Krimea.
Dan il-pont hu wieħed strateġiku għar-Russja hekk kif minnu twassal il-provisti lejn iż-żoni okkupati.
Il-Gvern Russu qal li fl-attakk intużaw missili S-200. Min-naħa tal-Gvern Ukren qal li l-forzi tiegħu ma wettqu l-ebda attakk fuq il-pont tal-Krimea.
Skont rapporti li qed jiġu ppubblikati fil-midja internazzjonali jidher li minkejja l-qawwa tal-armata ta’ Putin xorta waħda mhux qegħdin jagħmlu avanzi hekk kif l-Ukreni għandhom l-aqwa armi mgħotija lilhom mill-alleati tal-Punent.